Saturday, May 25, 2024

F’4 snin jintbagħtu 875 immigrant lura lejn pajjiżhom

Aqra wkoll

Mis-sena 2020 s’issa ġew ritornati 875 persuna li kienu daħlu Malta b’mod irregolari lejn il-pajjjiż tal-oriġinu, hekk kif dawn ma kinux jikkwalifikaw għall-ażil.

Dan qalu l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol fil-Parlament waqt li kien qiegħed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-Deuptat Nazzjonalista Graziella Attard Previ.

Il-Ministru sostna li kien hemm ukoll rilokazzjoni ta’ 700 persuna lejn pajjiżi oħra Ewropej.

Fi tweġiba tiegħu l-Ministru Camilleri qal li l-Gvern ma kienx kuntent bl-istatus quo fuq l-immigrazzjoni rregolari. Saħaq li ttieħdu numru ta’ deċiżjonijiet inkluż bidliet leġiżlattivi, sabiex is-sistema tal-immigrazzjoni rregolari tkun waħda aktar soda u ġusta, kemm lokalment u kif ukoll fuq livell internazzjonali.

Il-Ministru fil-Parlament qal li l-Gvern ħadem mill-qrib ma’ pajjiżi oħrajn, pajjiżi ta’ oriġinu u kif ukoll pajjiżi ta’ tranżitu, sabiex naqqasna l-wasliet irregolari u jintilfu anqas ħajjiet fuq il-baħar.

“Ninsab infurmat li persuni li ma jikwalifikawx għall-ażil u ilhom f’Malta għal aktar minn 5 snin huwa ta’ 174. Lil dawn il-persuni kollha jiġi kontinwament ofrut program volontarju ta’ ritorn jew mal-awtoritajiet lokali jew mal-International Organization for Migration (IOM). Jekk dawn il-persuni jibqgħu ma jikkoperawx mal-awtoritajiet u ma jagħżlux li jiġu ritornati b’mod volontarju, l-awtoritajiet Maltin jibqgħu jaħdmu, inkluż mal-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-oriġinu sabiex jinħarġu d-dokumenti, sabiex ikunu ritornati b’mod sfurzat,” wieġeb il-Ministru Camilleri.

Hu kompla jgħid li sar it-tibdil biex ikun hemm sistema ġusta ma’ min ħaqqu protezzjoni, iżda iebsa ma’ min ma jkollux dritt li joqgħod f’pajjiżna. “Dan kien possibbli permezz ta’ bidliet leġiżlattivi, investiment fil-proċess tal-ażil, partikolarment bil-ħolqien tal-International Protection Agency u t-tnaqqis fl-ammont ta’ applikazzjonijiet pendenti,” stqarr il-Ministru.

Semma kif twaqqaf ukoll Returns Unit fi ħdan il-Ministeru sabiex jiffoka fuq ir-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġinu ta’ dawk il-persuni li ma jkunux jeħtieġu protezzjoni f’pajjiżna. Fl-istess waqt sar xogħol estensiv fiċ-ċentri tal-immigranti, kemm dawk magħluqa u kemm dawk miftuħa, mingħajr ma poġġejna piż fuq il-komunitajiet tal-madwar kif kien ġara fi żminijiet imgħoddija.

Il-Ministru jtemm jgħid li żdiedu b’mod konsiderevoli l-isforzi biex nies li jkunu daħlu Malta irregolarment u ma jikwalifikawx għal-ażil jiġu ritornati lejn pajjiżhom.

Sport