Ir-rebbieħa tas-sena l-oħra, Liverpool, illum se jilqgħu lil Wolves f’Anfield f’dik li hija l-aħħar logħba tal-ġurnata li fiha se jintlagħbu xejn inqas minn 22 waħda mit-tielet round tal-FA Cup.
Liverpool, li fil-finali tal-istaġun li għadda għelbu lil Chelsea 6-5 bil-penalties wara draw 0-0 sal-120 minuta, iridu jagħmlu progress f’din il-kompetizzjoni meta fil-kampjonat qatgħu lura tant li jistgħu jkunu fil-periklu biex jikkwalifikaw għall-UEFA Champions League.
Min-naħa ta’ Wolves, issa taħt il-manager ġdid, Julen Lopetegui, s’issa kellhom staġun diżappuntanti meta jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar.
Din hija waħda minn ħames logħbiet li jinvolvu timijiet tal-Premier League kontra xulxin fejn wara li l-Ġimgħa Manchester United għelbu lil Everton 3-1, illum se jintlagħbu l-logħbiet bejn Crystal Palace u Southampton, Brentford u West Ham bl-oħra tkun bejn Manchester City u Chelsea li ltaqgħu nhar il-Ħamis fil- kampjonat bis-City joħorġu rebbieħa 1-0.
It-timijiet l-oħra kollha jinsabu biċ-ċans li jgħaddu għalkemm Brighton jistgħu jsibuha diffiċli kontra Middlesbrough meta jiltaqgħu fir-Riverside Stadium. Peró s-Seagulls jinżlu b’moral għoli hekk kif ġejjin minn rebħa ta’ 4-1 fuq Everton.