Birkirkara……………2
Floriana………………1
Minn Cristian Muscat
Permezz ta’ wirja konvinċenti, Birkirkara għelbu lil Floriana bl-iskor ta’ 2-1, biż-żewġ goals jaslu wieħed f’kull taqsima, biex b’hekk kisbu l-passaġġ għall-finali tal-Meridianbet FA Trophy, liema riżultat fisser ukoll li wara li tant kienu viċin li jirbħu l-Malta Premier, Floriana temmew dan l-istaġun mingħajr rebħ ta’ unuri.
Kienet partita kollox ma’ kollox bilanċjata, bi Florian iżda jwettqu reazzjoni tard wisq fil-partita, fejn anke rnexxilehom inaqqsu l-marġni tal-iskor.
Ta’ nota huwa l-fatt li l-player ta’ Floriana Dunstan Vella li kellu staġun mill-aqwa, ma ġiex utilizzat mill-bidu tal-partita, iżda daħal jilgħab fil-ftuħ tat-tieni taqsima fejn ħa post Jork Eblin Becerra, u ħa wkoll il-faxxa ta’ captain mingħand Jake Grech.
Birkirkara għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u wara biss żewġ minuti, ipprotestaw għall-penalty meta Maxuell Maia deher li allegatament twaqqa’ minn difensur avversarju fil-kaxxa iżda r-referee Slobodan Petrovic ħalla l-logħob għaddej.
Floriana wieġbu fil-11-il minuta meta Franklin Sasere kellu xuut mill-ewwel mill-viċin li ntemm ftit barra.
Fit-22 minuta Birkirkara reġgħu appellaw għall-penalty iżda Nicholas James Agius deher jaqa’ waħdu bir-referee jħalli l-logħob għaddej.
Birkirkara fethħu l-iskor tliet minuti wara meta wara li rċieva l-ballun minn cross ta’ Leandro Lautaro Lacunza, Maxuell Maia bir-ras ipprovda l-assist lil PABLO LEONEL GAITAN li mill-viċin b’xutt mill-ewwel ma ħafirx.
Fil-45 minuta eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima Floriana tilfu ċans tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs meta Sasere kellu t-tentattiv tiegħu mill-viċin salvat mill-goalkeeper Taljan ta’ Birkirkara Giaciomo Volpe, mgħejjun mill-wieqfa, biex mir-rebound Jake Grech kellu t-tentatativ tiegħu devjat f’corner, bl-Istripes jeħilsuha ħafif.
Fis-67 minuta, Birkirkara rduppjaw meta l-iskorer prolifiku Brażiljan u l-aqwa skorer tal-Malta Premier bi 22 goal, MAXUELL MAIA, mid-distanza qabbeż il-ballun minn fuq kulħadd għal ġox-xibka bil-goalkeeper ta’ Floriana, Christoffer Mafooumbi, jinqabad barra minn postu, fit-tentattiv li jinterċetta kull periklu.
Fit-73 minuta, huma kellhom f’saqajhom il-ballun tat-tielet goal meta freekick mill-isbaħ ta’ Maxuell Maia ġie mdawwar f’corner bi bravura minn Mafoumbi.
Huma komplew jidettaw il-logħob u ħames minuti wara, iż-żagħżugħ Nicholas James Agius li kellu partita mill-aqwa, b’eleganza mpenja lil Mafoumbi li kien attent.
Iżda, fil-81 minuta, kontra x-xejra tal-logħob Floriana naqqsu l-marġni tal-iskor meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, is-sostitut Elvis Mashike Sukisa bir-ras għadda tajjeb lejn ALEXANDROS KOURO li venven xutt b’saħħtu mill-viċin li ntemm ġewwa, biex ta nifs ġdid lill-Greens.
Dan il-goal ipprovda injezzjoni morali lil Floriana u minuta biss wara Matias Nicolas Garcia kien għoddu għamel l-iskor indaqs meta kellu x-xutt mill-viċin salvat għal darba darbtejn minn Volpe.
Kulma jmur kompla d-dominju ta’ Floriana u fit-82 minuta, freekick insidjuż minn pożizzjoni angulata ta’ Julain Gonzalo Gamarra għadda ftit għoli.
Iżda kienu Birkirkara li b’reżiljenza komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita, fost il-ferħ tal-players, staff u partitarji numerużi tagħhom.
Birkirkara: 1-Giacomo Volpe, 4-Luis Mario Cordova Mina, 6-Pablo Leonel Gaitan, 13-Tomislav Papazov, 20-Alex Satariano, 24-Leandro Lautaro Lacunza, 25-Neil Micallef, 27-Alessandro Coppola, 59-Stephane Donovan Makoma, 91-Maxuell Maia, 92-Nicholas James Agius (30-Nathan Cross 86) Coach: Stefano De Angelis
Floriana: 45-Christoffer Mafoumbi, 8-Jake Grech (11-Zachary Scerri 70), 14-Jork Eblin Becerra (12-Dunstan Vella 46), 17-Owen Spiteri (9-Elvis Mashike Sukisa 70), 20-Matias Nicolas Garcia, 25-Julian Gonzalo Gamarra, 27-Franklin Sasere, 55-Alexandros Kouro, 77-Aleandro Garzia, 79-Guy Serge Cedric Yameogo, 94-Jose Fernando Gomes Junior (10-Gabriel Sotomayor 62) Coach: Darren Abdilla
Referee: Slobodan Petrovic
Ass. Referees: Jurgen Spiteri, Paul Apap
Raba’ Uffiċjal: Ezekiel Barbara
Skorers: P. L. Gaitan 25, M. Maia 67 (B)
Ammoniti: G. S. C. Yameogo. M. N. Garcia, G. Sotomayor (F), N. J. Agius (B)