Thursday, December 26, 2024

FA Trophy: Hibernians idawru telfa f’rebħa

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Zejtun Corinthians ….1

Hibernians ……………2

Hibernians kellhom jitħabtu sabiex qatgħu l-passaġġ għall-kwarti-finali tal-Izibet FA Trophy meta dawru telfa f’rebħa ta’ 2-1 kontra t-team li jilgħab fiċ-Challenge League, Zejtun Corinthians.

Għakemm ħarġu fuq in-naħa rebbieħa, speċjalment fl-ewwel taqsima fejn ħolqu azzjoni waħda biss denja ta’ nota, Hibernians kienu biss id-dell tat-team li nhar is-Sibt li għadda umilja lil Floriana fil-Kampjonat Premier bl-iskor ta’ 4-1.

Dan hekk kif il-Pawlisti ftit li xejn kienu avventurużi u naqsu milli jkunu inċisivi fl-attakk. Kuntrarju għal dan, il-Corinthians dehru li qamu għall-okkażjoni u offrew oppożizzjoni denja matul id-90 minuta.

L-ewwel azzjoni waslet fid-19-il minuta, min-naħa tal-Pawlisti meta d-daqqa ta’ ras ta’  Wilfried Domoraud li ġiet salvata minn fuq il-linja fatali mid-difiża  tal-Corinthians.

Zejtun wieġbu eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima fejn irnexxielhom jiftħu l-iskor, meta SAMBA TOUNKARA antiċipa lil kulħadd fejn għola tajjeb u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża għeleb lill-goalkeeper, Matthew Calleja Cremona.

Kienet meħtieġa reazzjoni mmedjata minn Hibernians u hekk ġara meta fil-ftuħ tat-tieni taqsima huma ħarġu ferm aggressivi u wara biss ftit sekondi Erjon Beu ra x-xutt tiegħu salvat bi tbatija mill-goalkeeper Christian Cassar.

Huma komplew fuq l-offensiva u fil-65 minuta xutt tas-sostitut Thaylor Aldama għadda ftit barra.

B’mod gradwali, Hibernians bdew jiddominaw u fil-71 minuta, kienu sfortunati li ma kisbux l-iskor meta l-free-kick tal-player Ferdinando Apap stampa mal-mimduda.

Huma baqgħu jippressaw u fit-82 minuta Hugo Da Costa kellu xutt tajjeb salvat minn Christian Cassar.

Minuta biss wara, Hibernians meritatament ġabu l-iskor indaqs b’xutt fil-baxx ta’ JAKE GRECH minn pożzzjoni ideali.

Dan ipprovda lil Hibernians b’injezzjoni morali tant li sitt minuti wara skorjaw il-goal tar-rebħa meta wara li rċieva minn cross preċiż HUGO DA COSTA b’xutt fil-baxx mill-viċin irnexxielu jsib ix-xibka.

ZEJTUN C.: 1-Christian Cassar, 4-Alan Abela, 7-Dylan Agius, 8-Clyde Borg (140Gianfranco Micallef 90), 9-Bryan Aleme, 18-Christian Grech, 20-Gianluca Bugeja, 21-Claudio da Silva Barbosa (10-Mensa Boakye 77), 23-Samba Tounkara, 24-David Xuereb (77-Gilmore Azzopardi 75), 27-Jurgen Farrugia  – Coach: Orosco Anonam

HIBERNIANS: 1-Matthew Calleja Cremona, 4-Leandro Almeida, 5-Matthew Ellul (3-Ferdinando Apap 46), 6-Raphael dos Anjos, 7-Ayrton Attard (12-Dunstan Vella 62), 17-Erjon Beu (8-Jake Grech 62), 19-Joseph Zerafa, 23-Christopher Edafe Uzeh (18-Thaylor Aldama 46), 30-Alvaro Muniz, 70-Hugo Filipe Da Costa, 88-Wilfried Domoraud (10-Jurgen Degabriele 80)  – Coach: Stefano Sanderra

REFEREE: Alex Johnson

ASS. REFEREES: Duncan Sultana, Mitchell Scerri

RABA’ UFF: Fyodor Zammit

SKORERS: S. Tounkara 45 (ZC), J. Grech 83, H. Da Costa 89 (H)  

AMMONITI: D. Agius, C. Borg (ZC), J. Zerafa, D. Vella (H)

Ekonomija

Sport