Matul dawn it-tlett ijiem jintlagħab ir-round tal-Aħħar 32 tal-Izibet FA Trophy li fih jidħlu jilagħbu t-timijiet tal-Kampjonat Premier … bil-holders Floriana jibdew id-difiża tagħhom kontra Sta Lucia.
F’din il-85 edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni Floriana jimmiraw li jirbħuha għal rekord ta’ 22 darba meta t-total tagħhom bħalissa huwa daqs Sliema Wanderers – 21.
Din se tkun it-tieni darba li Floriana se jiffaċċjaw lil Sta Lucia f’din il-kompetizzjoni hekk kif iridu jpattu għad-diżappunt meta, fl-istaġun 2020/21, il-Luċjani kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1, fit-tieni round, b’goals ta’ Augusto Caseres u doppjetta ta’ Kevin Ante Rosero, bi Kristian Keqi jwieġeb għall-Greens.
Illum l-affarijiet jidhru differenti minn sentejn ilu u Floriana jibdew bħala favoriti iżda jridu juru rispett lejn l-avversarji.
Hamrun S. v Għajnsielem – Il-leaders tal-Kampjonat Premier, Hamrun Spartans, imorru jilagħbu fil-gżira ta’ Għawdex biex jaffrontaw lil Għajnsielem, li jinsabu fil-ħames post tal-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.
Filwaqt li l-Ħamruniżi għandhom il-players kollha għad-dispożizzjoni, it-team Għawdxi għandu lil Ibrahim Belhadj Naim sospiż.
Dan huwa l-ewwel konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet f’din il-kompetizzjoni.
Gzira U. v Sliema W. – Dan huwa konfront delikat bejn żewġ ġirien – Gzira United li jinsabu fit-tieni post tal-Premier u Sliema Wanderers li qed jokkupaw il-quċċata taċ-Challenge League.
Din se tkun il-ħames partita bejn dawn iż-żewġ timijiet, bil-Wanderers jirbħu l-erba’ preċedenti fejn skorjaw disa’ goals kontra l-wieħed tal-Maroons.
Għaldaqstant il-Gżirjani jimmiraw għall-ewwel rebħa diretta fuq is-Slimiżi.
Valletta v Zabbar SP – It-team li jinsab fid-disa’ post tal-Premier, Valletta, jilgħab kontra Zabbar St Patrick li jinsabu fit-tieni post ta’ Grupp A tal-Amateur League.
Bla dubju, Valletta jibdew favoriti fejn jimmiraw li jirreġistraw it-tmien rebħa minn daqstant logħbiet fuq iż-Żabbarin f’din il-kompetizzjoni.
Hibernians v Zurrieq – F’logħba bejn żewġ timijiet min-naħa t’isfel ta’ Malta, it-team li jinsab fir-raba’ post tal-Premier, jiffaċċja lil Zurrieq li jinsabu fil-ħames post taċ-Challenge League u li għadhom kif ibbukkjaw posthom fil-Promotion Pool.
Interessanti huwa l-fatt li dan se jkun ir-raba’ konfront dirett … fejn il-bilanċ ixaqleb lejn Zurrieq b’żewġ rebħiet kontra ‘l waħda tal-Pawlisti.
Fl-1985, Zurrieq kienu rebħu l-unika edizzjoni fl-istorja ta’ din il-kompetizzjoni.
PROGRAMM KOLLU
Illum
Centenary Stadium
6.00 pm: Hibernians v Zurrieq
9.00 pm: Sirens v Mqabba
Għada
Centenary Stadium
2.00 pm: Birkirkara v Nadur Y.
5.00 pm: Balzan v Tarxien R.
8.00 pm: Zejtun C. v Marsaxlokk
Victor Tedesco Stadium
2.00 pm: Attard v Kercem A.
5.00 pm: Mtarfa v Qala S.
Il-Ħadd
Centenary Stadium
11.00 am: Valletta v Zabbar SP
2.00 pm: Gudja U. v Naxxar L.
5.00 pm: Melita v Mosta
8.00 pm: Swieqi U. v Zebbug R.
Tony Bezzina Stadium
2.00 pm: Gzira U. v Sliema W.
5.00 pm: Floriana v Sta Lucia
Victor Tedesco Stadium
2.00 pm: Pietá H v Xewkija T.
5.00 pm: San Gwann v Mgarr U.
Gozo Stadium
3.00 pm: Hamrun S. v Għajnsielem