Tuesday, April 23, 2024

TLIET SNIN TA’ ROBERT ABELA FIT-TMUN TAL-PAJJIŻ

Aqra wkoll

F’dan il-jum, Robert Abela se jkun ilu tliet snin mexxej tal-Partit Laburista u insegwitu Prim Ministru tal-pajjiż. Snin li mingħajr dubju ta’ xejn, bħal f’ħafna pajjiżi oħra, kienu karatterizzati minn sfida wara l-oħra u sfida akbar minn oħra. Minkejja dan il-maltemp kollu iżda, pajjiżna baqa miexi ‘l quddiem u ħoloq ġid li tgawda u għadu jitgawda mill-poplu kollu.

F’dawn it-tliet snin ta’ Robert Abela, kif jixhed baġit wara l-ieħor, pajjiżna wera sinjali ċari ta’ Gvern b’ruħ verament soċjali, gvern li jaħseb f’kulħadd u ma jħalliu ‘l ħadd jaqa’ lura speċjalment dawk li jifilħu l-inqas. B’dan il-mod, il-Prim Ministru u l-gvern Laburista li huwa jmexxi mhux biss serraħ ras il-poplu imma wkoll ġab stabbilità ekonomika u soċjali li ftit kellna bħala qabel.

Robert Abela kien strumentali biex pajjiżna għadda minn diversi riformi fit-tisħiħ tad-deomkrazija fosthom it-titjib fil-qasam tal-governanza tajba u titjib fil-qasam tal-ġudikatura. Biex wettaq dan il-Prim Ministru reħa minn idejh bosta mill-poteri li kellu fosthom il-ħatra tal-President tar-Repubblika, il-ħatra tal-Imħallfin u saħansitra dik tal-Prim Imħallef, kif ukoll dik tal-Kummissarju tal-Pulizija.

Tajjeb li nfakkru li dawn ir-riformi fil-ħatriet hekk essenzjali, Robert Abela rnexxielu jwassal għalihom bil-kunsens bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Għalhekk hija inġusta kull kritika li ssir fil-konfront tiegħu partikolarment dik ta’ bħalissa mill-Oppożizzjoni illi huwa qiegħed iwebbes rasu biex tgħaddi tiegħu dejjem. Għalina dan mhuwiex il-każ.

Nemmnu li fil-kontroversja tal-ħatra tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Prim Ministru qiegħed fit-triq tas-sewwa. Dan anke meta jitfakkar illi l-Prim Ministru għandu l-maġġoranza tal-poplu warajh kif wriet biċ-ċar l-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu 2022. Mhux biss, imma wkoll fil-persuna tal-Prim Imħallef Emeritus Joseph Azzopardi, tidher l-integrità, l-onestà u l-imparzjalità tiegħu.
Mal-ewwel ġurnata tiegħu bħala Prim Ministru, Robert Abela kien wiegħed li se jkompli jibni fuq it-tajjeb li sar għamlu min għamlu. Nemmnu li din il-wegħda żammha kif żamm kelmtu ma’ wegħdiet oħra mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista.

Meta wieħed iqabbel dak li wettaq s’issa l-Prim Ministru, bilfors ikollna nikkonkludu li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mhux biss hija mneżżgħa minn kull argument imma wkoll li waslet fi stat li tattakka lill-persuna u mhux lill-messaġġ biex tgħatti l-inkonsistenzi u l-arroganza tagħha. Id-diskorsi li saru minn diversi membri parlamentari Nazzjonalisti fl-aħħar jiem jikkonfermaw dan.

Sport