Minn Cristian Muscat
Bejn illum u għada jintlagħbu l-kwarti-finali tal-FA Trophy li b’kollox se jkun hemm seba’ timijiet mill-Malta Premier u ieħor miċ-Challenge League.
Il-holders, Sliema Wanderers, għandhom ostaklu diffiċli meta jiltaqgħu kontra Hamrun Spartans filwaqt li Birkirkara jaffrontaw lil Valletta biex terġa’ tiġġedded ir-rivalitá bejn dawn iż-żewġ timijiet.
Floriana għandhom partita delikata kontra Mosta filwaqt li Hibernians jibdew favoriti li javvanzaw għas-semi-finali meta jiffaċċjaw lil Naxxar Lions.
Hamrun S. v Sliema W. – Dan il-konfront huwa opportunitá għal Sliema Wanderers biex jirkupraw mill-forma negattiva li bħalissa għaddejjin minnha fil-kampjonat hekk kif tilfu l-aħħar tliet partiti.
Iżda jridu jkunu fl-aqwa tagħhom kontra team li qed jimmira biex jirbaħ id-double. Peró, anke Hamrun Spartans ġejjin minn telfa fil-kampjonat meta sfaw megħluba minn Gzira United bl-iskor ta’ 1-0.
Għas-Slimiżi, li huma l-aktar team li rebaħ l-FA Trophy b’total ta’ 22 darba, din se tkun it-72 darba li se jilagħbu fil-kwarti-finali filwaqt li għall-Ħamruniżi se tkun il-61 darba.
Din hija l-11-il kwarti-finali bejn dawn iż-żewġ timijiet fejn fl-għaxar konfronti preċedenti, il-Wanderers rebħu tmienja filwaqt li l-Ispartans rebħu l-aħħar tnejn.
Peró, f’din il-kompetizzjoni dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu 16-il darba, bil-bilanċ ixaqleb lejn il-Wanderers fejn kisbu 11-il rebħa filwaqt li Hamrun rebħu l-ħamsa l-oħra.
Biex waslu sa dan l-istadju, Sliema għelbu lil Għajnsielem (8-0) u lil Marsa (4-0) filwaqt li Hamrun għelbu lil Swieqi United (5-0) u lil Zabbar St Patrick (2-1).
Floriana v Mosta – Din il-logħba se tkun ir-ripetizzjoni ta’ dik li ntlagħbet fi tmiem il-ġimgħa li għadda meta spiċċaw fi draw ta’ 2-2 liema partita kienet valida mill-kampjonat.
Madankollu din hija logħba differenti u għaldaqstant ħadd minnhom ma jaffordja jitlef minħabba li jiġi eliminat.
Din hija t-tieni kwarti-finali bejn dawn iż-żewġ timijiet. L-oħra kienet intlagħbet fit-23 ta’ Mejju, 1976, bil-Furjaniżi joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0.
Iżda din il-partita ġiet nulla wara li l-Greens utilizzaw player ineliġibbli – Bertu Gatt li ffirmaw mingħand l-istess Mosta.
Għalhekk l-MFA ordnat li terġa’ tintlagħab u saret ħamest ijiem wara bil-Furjaniżi joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 6-0.
Biex avvanzaw sa dan l-istadju, Floriana eliminaw liż-żewġ timijiet Għawdxin ta’ Xewkija Tigers (2-0) u Victoria Hotspurs (4-1).
Min-naħa tagħhom Mosta rebħu lil Marsaxlokk (3-0) u lil Qrendi (4-0).
Birkirkara v Valletta – Dan huwa konfront bejn team mill-Malta Premier, Birkirkara, u dak miċ-Challenge League, Valletta.
Iżda, bla dubju, dawn tal-aħħar ma għandhom bżonn tal-ebda introduzzjoni minħabba li huma wieħed mill- aktar clubs glorjużi fl-istorja tal-football Malti.
Biżżejjed wieħed jgħid li l-Lilywhites rebħu din il-kompetizzjoni għal 14-il darba.
Barra minn hekk, fi tmiem il-ġimgħa li għadda huma ġew promoss għall-ogħla diviżjoni wara nuqqas ta’ staġun wieħed biss.
Din se tkun il-ħames kwarti-finali bejn dawn iż-żewġ timijiet wara li fil-passat rebħu tnejn kull wieħed.
Fl-istorja ta’ din il-kompetizzjoni, iż-żewġ timijiet iltaqgħu 18-il darba, bil-Beltin jirbħu 10 filwaqt li l-Karkariżi jirbħu sebgħa bl-oħra tispiċċa fi draw.
Rebħa minnhom għall- Karkariżi, fl-istaġun 1989-90, kienet walk-over wara li Valletta ġew skwalifikati.
Biex waslu sa dan l-istadju, Birkirkara eliminaw lil Balzan (2-1) u lil Fgura United (3-0) filwaqt li Valletta ssuperaw lil Nadur Youngsters (3-1), SK Victoria Wanderers (4-0) u lil Gzira United (1-0) … b’James Scicluna jkun l-uniku player li s’issa skorja f’kull partita.
Hibernians v Naxxar L. – Fuq il-karta Hibernians jibdew favoriti kontra Naxxar Lions iżda l-Pawlisti jridu juru rispett massimu lejn in-Naxxarin.
Din se tkun it-tielet kwarti-finali diretta bejn iż-żewġ timijiet wara li fil-passat rebħu waħda kull wieħed.
L-ewwel waħda tmur lura għad-29 ta’ Novembru, 1946, bin-Naxxarin joħorġu rebbieħa bl-iskor kbir ta’ 5-0.
Il-Pawlisti rebħu dik tas-16 ta’ Mejju, 1999, bl-iskor ta’ 3-2.
Biex waslu sa hawn, Hibernians għelbu lil Zebbug Rangers u lil Qala Saints bl-iskor identiku ta’ 3-0.
Min-naħa tagħhom Naxxar eliminaw lil Melita (4-2) u lil Zurrieq (4-0).