Saturday, October 26, 2024

Fabio Spiteri u l-passjoni tiegħu lejn l-annimali

Aqra wkoll

Ħafna nies li huma midħla tal-isports jafu sewwa min huwa Fabio. Numru kbir ta’ ‘animal lovers’ jafu wkoll min huwa. Fabio huwa atleta veteran u jispeċjalizza fid-dixxiplina ta’ Triathlon (għawm, rota u ġiri) u pparteċipa u rebaħ numru ta’ kampjonati lokali kif ukoll fuq livell internazzjonali. Illum il-ġurnata, minbarra li jipprattika l-isport, huwa jħarreġ numru ta tfal u adulti fit-tliet dixxiplini. 

Minbarra l-isport, Fabio jħobb ħafna l-annimali u jgħid illi “għandu żewġ passjonijiet fil-ħajja – l-isport u l-annimali”. L-altruwiżmu ta’ Fabio wassal biex fl-ewwel edizzjoni li saret is-sena l-oħra tal-‘Animals Honours Award’, Fabio rebaħ il-premju magħżul mill-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali. 

L-imħabba li għandu lejn l-annimali hija bla qies

L-imħabba li għandu lejn l-annimali ma tistax titkejjel b’mod xjentifiku, iżda ċertament li tista tkun ikkalkulata minn dak kollu li jwettaq biex jgħin l-annimali li huma l-aktar fil-bżonn. L-imġabba bla tarf li għandu lejn l-annimali, iġġiegħel lil Fabio biex jadotta annimal wara l-ieħor. Fil-fatt, forst in-numru t’annimali li jrabbi, Fabio għandu klieb, qtates u saħansitra jrabbi fenekwkoll. 

Wieħed mill-aħħar annimali li Fabio addotta, huwa l-kelb ‘Stevie’. Stevie huwa kelb nieqes mid-dawl u huwa kelb mill-isbaħ. Dan, il-ġest jikkonferma l-imħabba ta’ Fabio lejn l-annimali. L-imħabba ta’ Fabio lejn l-annimali ma tiqafx biss meta jaddotta annimal, iżda tmur ħafna aktar minn hekk, għax juża l-isports u l-ħiliet sportivi tiegħu biex ikun jista’ jiġbor kemm jista’ fondi biex jgħin l-annimali abbandunati li jgħixu fit-triq kif ukoll dawk l-annimali li jinsabu f’xi santwarju tal-annimali

Sfidi diffiċli biex jiġbor fondi biex ikun jista’ jgħin lis-santwarji

Fabio kkommetta ruħu diversi drabi sabiex jiġbor fondi bil-għan biex jgħin l-annimali. Fl-2019 huwa għamel għawma flimkien ma’ Jake Vella biex jinġabru flus ħalli jkunu jistgħu jgħinu lis-santwarju tal-annimali Association for Abandoned Animals (AAA). Fl-2020 Fabio daħal għal sfida akbar, li jdur id-dawra ta’ Sqallija – jsuq ir-rota (madwar 1000 kilometru) f’jumejn biex jiġbor il-flus ħalli jkun jista’ jqassamhom bejn is-santwarji tal-annimali u n-nies li jitimgħu l-annimali abbandunati (feeders). Is-sena l-oħra, l-istess sfida, li jdur ma’ Sqallija bir-rota (980km) rnexxielu jagħmilha mingħajr waqfien f’ħin ta’ 47 siegħa, 41 minuta u 44 sekonda u irnexxilu jiġbor is-somma sabiħa ta’ €48,000 li kienu mqassmin ma’ numru ta’ santwarji tal-annimali u dawk in-nies li jitimgħu l-annimali abbandunati.

Madankollu, din is-sena 2022, minbarra li daħal għal sfida akbar u aktar intesiva, kemm mil-lat fiżiku kif ukoll mentali, l-ambizzjoni u l-mira ta’ Fabio għal din is-sena kienet waħda fenominali, għax il-mira finanzjarja kienet tissupera l-isfidi preċedenti. 

L-isfida ta’ Fabio ta’ din is-sena u l-għajnuna finanzjarja b’risq l-annimali 

L-isfida li daħal għaliha din is-sena kienet waħda diffiċli mmens u Fabio jsejħilha “Tellieqa brutali”. F’termini sportivi, għamel ħames Ironman bla waqfien fi spazju ta’ ħamest ijiem. Fi kliem sempliċi, għamel 19-il kilometru għawm, qadef 900 metru fuq ir-rota, u għamel 211 kilometru ġiri. Dan kollu għamlu mingħajr irqad. Il-mistrieħ tiegħu kienu jkunu mumenti qsar, li jissejħu ‘power naps’.

F’din l-isfida, bħall-isidi preċedenti, Fabio kkommetta ruħu biex ikun jista’ jiġbor fondi sabiex jitqassmu bejn numru ta’ santwarji tal-annimali u n-nies li jitimgħu l-annimali. L-għan ta’ Fabio għal din is-sena huwa li jirnexxilu jiġbor is-somma ta €100,000. Il-flus miġbura ser jitqassmu bejn is-santwarji tal-annimali u bejn numru ta’ nies li jitimgħu (feeders) l-annimali ta’ barra triq. B’hekk titnaqqas ftit mil-pressjoni finanzjarja li dawn in-nies u s-santwarji jgħaddu minnhom. 

Fil-fatt, kemm is-santwarji tal-annimali kif ukoll il-feeders għandhom sfidi finanzjarji kbar minħabba li dawn iridu jaraw kif ser jitimgħu l-annimali li jieħdu ħsieb, biex isewwu l-annimali, kif ukoll biex jipprovdu l-għajnuna medika kollha meħtieġa lil annimali li jieħdu ħsieb. Barra dawn l-ispejjez, xi drabi jkun hemm spejjeż addizzjonali oħra bħal kontijiet tad-dawl u tal-ilma fost l-oħrajn.

Mill-isfida ta’ din is-sena, sa issa Fabio rnexxilu jiġbor is-somma ta’ madwar €75,000. Hija somma fenominali, u għandu jkun rikonoxxut l-altruwiżmu u l-imħabba li għandu Fabio lejn l-annimali. Huwa essenzjali li s-santwarji tal-annimali u l-feeders jingħataw l-għajnuna meħtieġa. Madankollu, minbarra l-kontribut finanzjarju, persuna tista’ wkoll tagħti sostenn fiżiku, kemm bl-għajnuna volontarja, kif ukoll meta jkun adottat xi annimal. Għajnuna volontarja b’risq l-annimali abbandunati hija dejjem apprezzata kemm mil-feeders kif ukoll mis-santwarji tal-annimali. Il-Malti jgħid ‘Kull qatra tgħodd’. 

Mill-isfidi li għadda minnhom Fabio, u mill-isfida ta’ din is-sena, l-iskop ewlieni tiegħu dejjem kien li jgħin l-annimali anqas ixxurtjati minn oħrajn. L-eżempju ta’ Fabio jwassalna biex insiru aktar konxji u nħobbu aktar l-annimali, mhux biss bil-kliem, iżda bl-eżempji u l-għaġir tajjeb tagħna fil-konfront tal-annimali. Nittamaw illi l-eżempju jkaxkar!

Sport