Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura faċilità ġdida ta’ distribuzzjoni mill-kumpanija Lidl f’Burmarrad. B’investiment ta’ €3 miljun, dan iċ-ċentru loġistiku se jkun qed jissuplixxi l-istabbilimenti kollha tal-Lidl mifruxa madwar Malta kollha. Il-faċilità ġdida tifforma parti minn Vassallo Business Park, kumpless li kien żviluppat dan l-aħħar.
“L-investiment ta’ Lidl f’Malta u s-suċċess lokali tal-kumpanija, li tassew iffjorixxiet madwar il-pajjiż kollu, huma kemm xhieda tal-kisbiet tal-kumpanija u, b’mod parallel, konferma tal-fiduċja f’Malta u fl-ekonomija tagħha”, qal il-Prim Ministru. “Dan iċ-ċentru loġistiku ġdid li għadni kemm żort juri kemm l-investituri qed ifittxu li jkomplu jkabbru fil-kwalità bil-għan li l-investiment fil-proġett mhux biss joffri servizz imtejjeb lill-klijenti, iżda wkoll biex itejjeb l-ambjent tax-xogħol għall-benefiċċju tal-impjegati tal-Lidl”, irrimarka Dr Abela.
Il-prim ministru nnota wkoll l-aħħar figuri u statistika uffiċjali maħruġa mill-Eurostat li turi li ż-żieda fil-bejgħ fil-ħwienet lokali matul ix-xahar ta’ Settembru f’pajjiżna, kienet it-tielet l-ogħla fl-Ewropa kollha. “Il-bejgħ fil-ħwienet f’pajjiżna żdied b’7.4% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel. Min-naħa l-oħra, il-bejgħ madwar l-Unjoni Ewropea naqas b’0.3% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra. Statistika oħra tikkonferma li fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, ġie rreġistrat rekord totali ta’ €7.7 biljun f’konsum privat, filwaqt li qabel il-pandemija, iċ-ċifri reġistrati kienu ta’ €6.5 biljun. Skont il-Kummissjoni Ewropea, it-tkabbir tal-konsum privat f’Malta din is-sena mistenni jkun id-doppju tal-medja tal-Unjoni Ewropea” spjega l-Prim Ministru Robert Abela.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Lidl Malta Massimiliano Silvestri qal li l-preżenza tal-prim ministru għall-inawgurazzjoni tikkonferma l-fiduċja li għandu l-gvern f’Lidl Malta; kumpanija li llum hija kontributur ewlieni tal-ekonomija u relevanti għall-pajjiż kollu. Gianluca Celentano, id-Direttur ta’ Lidl Malta, spjega li ċ-ċentru l-ġdid ta’ loġistika se jkun qed jaħdem fil-jiem li ġejjin u se jgħin biex ikompli jiġi żviluppat il-potenzjal tal-katina ta’ stabbilimenti preżenti filwaqt li jitjieb is-servizz u l-esperjenza tal-klijent. “Din l-istruttura moderna u innovattiva se twassalna wkoll biex inkomplu nsaħħu l-iżvilupp fi stabbilimenti oħra li se nkunu qegħdin niftħu madwar Malta,” qal is-Sur Celentano.