Saturday, May 4, 2024

Faċilitajiet ġodda fl-Istadium tal-Atletika għal-Logħob tas-CSSE

Aqra wkoll

It-350 atleta u uffiċjali minn 17-il pajjiż li se jieħdu sehem fil-Kampjonati tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Atletika nhar is-Sibt li ġej se jkunu qed jikkompetu f’faċilitajiet ġodda u modernizzati fil-Matthew Micallef St John Stadium fil-Marsa, faċilitajiet li eventwalment se jitgawdew mill-atleti Maltin li jużaw it-trakka b’mod regolari.

Fil-preżent, għaddej ix-xogħol fuq it-tieni fażi ta’ mmodernizzar infrastrutturali tal-iStadium, li qed isir b’investiment ta’ aktar minn €3 miljun finanzjati minn SportMalta. Dan l-investiment jinkludi l-bini minn ġdid tal-istand prinċipali, sala teknika, faċilitajiet ta’ anti-doping, dressing rooms, gym, kmamar fejn jingħataw massaġġi kif ukoll uffiċċji għall-assoċjazzjoni u faċilitajiet ta’ catering.

Min-naħa sportiva, Athletics Malta investiet f’wiċċ ġdid għat-trakka tal-atletika, throwing cage ġdida għad-discus u l-hammer throw kif ukoll faċilità ġdida għal pole vault. Fil-kompetizzjonijiet tat-tfigħ l-atleti se jkunu qed jużaw apparat ġdid provdut minn Nordic Sport. Dawn ġew iffinanzjati minn SportMalta u mill-Kumitat Olimpiku Malti.

Dan l-investiment fiżiku qed ikun akkumpanjat minn tagħmir elettroniku mill-aktar modern provdut minn Seltec GMbH u Alge, inkluż sistema ġdida ta’ żamma tal-ħin li se tkun qed tintuża għall-ewwel darba f’pajjiżna. Id-disponibbiltà ta’ din it-teknoloġija se tgħin biex l-avveniment ikun aktar eċitanti u interattiv għall-ispettaturi li se jkunu qed isegwu fl-istadium u onlajn.

Barra mill-atleti u d-delegazzjonijiet li se jkunu qed jakkumpanjawhom, madwar 150 uffiċjal lokali u voluntiera se jkun qed jappoġġaw l-avveniment nhar is-Sibt.

Is-Segretarju-Ġenerali ta’ Athletics Malta Aldrin Cassar qal: “L-organizzazzjoni ta’ avveniment ta’ dan il-kalibru kienet waħda mill-akbar sfidi li ħadet f’idejha Athletics Malta fl-istorja tagħha. L-Assoċjazzjoni ilha sentejn taħdem kemm fuq l-aspett loġistiku iżda wkoll fuq dak sportiv biex niżguraw tim mill-aktar kompetittiv għal pajjiżna. Nemmnu li dawn l-isforzi se jikkontribwixxu biex is-Sibt ikollna avveniment ta’ success. Nappella lill-pubbliku lokali biex jingħaqad magħna fl-Istadium biex jappoġġja lill-atleti lokali u jgawdu flimkien din iċ-ċelebrazzjoni sportiva”.

Il-programm tal-attivitajiet kollha jinsab fuq https://cssemalta22.mt/. Id-dħul huwa b’xejn.

CSSE 2022 u t-Tim Nazzjonali Malti huma appoġġjati mill-Kumitat Olimpiku Malti, SportMalta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Eurosport, Medcomms Ltd., Big Mat, Salini Resort u Corporate ID Group.

Sport