Ispirati minn Marcus Rashford, Manchester United għelbu lil Nottingham Forest bl-iskor ta’ 3-0 biex issa jinsabu punt wieħed biss ‘il bogħod mir-raba’ pożizzjoni li tfisser post fil-UEFA Champions League.
Rashford fetaħ l-iskor fid-19-il minuta b’xutt minn tarf il-kaxxa minn azzjoni ta’ corner biex dan kien il-ħames goal personali fl-aħħar ħames logħbiet li beda fil-formazzjoni inizjali.
Imbagħad, tliet minuti wara kien hu li ħoloq l-assist għal Anthony Martial li b’xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa għeleb lill-goalkeeper Wayne Hennessey.
Fit-tieni taqsima, ir-Red Devils komplew jiddominaw iżda sabu lil Hennessey f’burdata tajba meta ċaħħad lil Antony, Martial u Rashford minn goals ċerti.
Madankollu, tliet minuti mit-tmiem huwa ma seta’ jagħmel xejn meta Fred ikkonkluda mill-pass ta’ Casemiro.
Din it-telfa bl-iskor ta’ 3-0, għall-Forest kienet tfisser li issa ilhom ma jiskorjaw barra minn darhom mill-20 ta’ Awwissu li għadda u għadhom fil-qiegħa tal-klassifika.
Chelsea v Bournemouth – Chelsea żammew it-tamiet tagħhom ħajjin biex ikomplu jisfidaw għal post fil- UEFA Champions League meta f’darhom għelbu lil Bournemouth bl-iskor ta’ 2-0.
Iż-żewġ goals waslu minn Kai Havertz (16) li ġera għal ballun fit-tul u rnexxielu jixħet fix-xibka filwaqt li Mason Mount (24) xeħet fir-rokna tax-xibka b’xutt imdawwar.
L-uniku punt negattiv f’din ir-rebħa tal-Pensioners kienet l-injury ta’ Reece James li kellu jħalli l-ground kmien fit-tieni taqsima minħabba li qala daqqa fl-irkoppa.