Saturday, December 21, 2024

“Faċli titlob għal-lockdown! L-aħħar vaganza tagħha kellha taraha lura Malta bla saħħa” – Antoine Azzopardi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jirringrazzja lill-awtoritajiet li segwew il-vjaġġ ta’ ommhom biex setgħet tasal lura f’darha

Mal-konferma tal-ewwel każijiet tal-coronavirus kienet ċara s-sejħa ta’ ħafna persuni li bdew jappellaw lill-awtoritajiet biex jisimgħu l-karba tagħhom u jmorru għal-lockdown.

Il-konsegwenzi li setgħet iġġib magħha din id-deċiżjoni kienu bosta fosthom dik ta’ “min hu ġewwa ġewwa u min barra jibqa’ barra”.

Dwar dan tkellimna ma’ Antoine Azzopardi li fl-aħħar ġimgħat kien l-Awstralja fejn organizza fenkata li minnha nġabru eluf ta’ ewro li se jmorru għal Puttinu Cares. Azzopardi kellimna dwar kif fil-bidu ta’ Frar li għadda hu u grupp ta’ persuni, inkluża l-għażiża ommu ta’ 80 sena telgħu l-Awstralja u b’hekk kien qiegħed jolqot żewġ għasafar b’ġebla waħda. Kien qed jagħmel opra ta’ karità, filwaqt li akkompanja lil ommu lejn il-qraba tagħha li tant kien ilha ma tara u li fi kliemu stess, “x’aktarx l-aħħar darba li rathom”.

Azzopardi spjegalna li l-kummenti tal-midja jistgħu jweġġgħu ħafna aktar milli wieħed jista’ jaħseb. Biex isaħħaħ dan l-argument spjegalna dwar kif hu u ħutu qablu max-xewqa ta’ ommu li tibqa’ ġimgħatejn oħra hemm biex tgawdi lil dawn qrabatha għall-aħħar darba anke jekk ma kinitx deċiżjoni faċli.

Ġara iżda li l-awtoritajiet Maltin kellhom jagħlqu l-ajruport bħala prekawzjoni minħabba ż-żieda fil-każijiet tal-persuni infettati bil-coronavirus. Dan kien ifisser li dawk maqbudin barra mill-pajjiż kellhom jiġu biss bl-arranġamenti li kien qiegħed jagħmel il-gvern biex iġib lil niesna lura.

Hawnhekk Azzopardi kellu kliem ta’ tifħir għall-Ministeru għall-Affarijiet Barranin li segwa l-vjaġġ ta’ ommu li nieqsa mill-komunikazzjoni spiċċat f’din is-sitwazzjoni. 

“Waslet imkissra imma l-kuraġġ li wriet jagħmilna kburin li aħna wliedha”

Antoine Azzopardi

Azzopardi rrakkuntalna dwar il-kuntatti li bdew biex iġibu lil ommhom lura f’darha u li sfortunatament ma kellhiex kuntatt magħhom għax ma tużax mowbajl. Qalilna li hu u ħutu kienu wisq inkwetati minħabba li l-mediċini li kienet tieħu kienu waslu biex jispiċċawlha u anke minħabba l-fatt li l-età tagħha xejn ma kienet tgħin f’dik is-sitwazzjoni fejn kellha tivvjaġġa għal dawk is-sigħat kollha.

Is-sitwazzjoni tal-Covid-19 xejn ma għenitha. Biex telqet minn Sydney kellha tagħmel madwar tliet sigħat fi kju li fih dawk li kienu se jivjaġġaw bdew jinżammu tliet metri bogħod minn xulxin bħala prekawzjoni kontra t-tixrid tal-virus.

Qalilna li l-unika kuntatt li kellhom magħha kienet mill-ajruporti fejn saru l-arranġamenti biex huma jkunu jistgħu jispjegawlha x’kien qiegħed jiġri u għaliex il-vjaġġ kien qiegħed jieħu dik l-proċedura ta’ prekawzjoni permezz ta’ Skype Calls.

Antoine qalilna li ommu fortunatment tinsab miegħu mill-ġdid u li minkejja li ma felaħx jaraha kif kienet bla saħħa f’ajruport battal min-nies, meta raha quddiemu ħa nifs kbir u ddeċieda li jagħmel appell b’dak li qiegħed iħoss wara li qara ċertu kummenti fuq il-midja soċjali.

Huwa temm jisħaq dwar dak li beda bih; “Ejjew ma nitfgħux lil kulħadd fl-istess keffa u noqogħdu lura milli nikkummentaw bla ma nirfsu fiż-żarbun ta’ dak li jkun. Nifhem li ċertu kummenti jinkitbu waqt mumenti ta’ biża’, iżda bla ma nafu nistgħu nkomplu ngħawru fil-ferita ta’ dak li jkun”.

Ekonomija

Sport