Sunday, November 24, 2024

Familjari ta’ Joseph Ellul bi proċeduri fil-Qorti kontra l-kumpanija WasteServ

Aqra wkoll

Familjari ta’ Joseph Ellul, li s-sena li għaddiet tilef ħajtu f’inċident f’inċineratur tal-WasteServ, bdew proċeduri fil-Qorit kontra l-kumpanija għad-danni. Dan wara sejħa għal prosekuzzjoni kriminali li saret f’inkjesta maġisterjali.

Il-proċeduri legali bdew minn omm Ellul, Pasqualina Ellul, u oħtu, Carmen Bonnici. L-inċident seħħ meta Ellul kien qiegħed iħaddem il-magni tal-WasteServ fit-Thermal Treatment Facility fil-Marsa.

Fuq Facebook, l-Avukat Jason Azzopardi, kien ippubblika parti minn dokument li huwa qal li kien meħud mill-konklużjonijiet tal-inkjesta maġisterjali b’rabta ma’ dan l-inċident.

Huwa qal li l-Maġistrat ikkonkludiet li l-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca u ħames impjegati oħra tal-kumpanija għandhom jitressqu l-Qorti fuq omiċidju involontarju.

Fir-reazzjoni tagħha għal dawn l-allegazzjonijiet, il-kumpanija WasteServ qalet li ma kinitx konxja tal-konklużjonijiet tal-inkjesta. Ċaħdet li l-istaff tagħha kien għamel xi ħaġa ħażina u insistiet li l-inċident kien wieħed imprevedibbli, xokkanti u trawmatiku.

Barra minn hekk il-kumpanija għamlet dak kollu possibbli biex tappoġġja lill-familja tal-vittma u se tkompli tagħmel dan fiż-żmien li ġej.

Sport