Sunday, November 24, 2024

Farsons tingħata l-premju Kumpanija tas-Sena fil-Premijiet Annwali tal-Borża ta’ Malta

Aqra wkoll

Simonds Farsons Cisk plc (SFC) ngħatat it-titlu ta’ Kumpanija tas-Sena mill-Borża ta’ Malta fiċ-ċerimonja tal-premjijiet annwali tagħha li saret il-ġimgħa li għaddiet. 

Iċ-Chairman tal-Borża, is-Sur Joseph Portelli, tkellem dwar ir-riżultati finanzjarji straordinarji ta’ SFC qabel ippreżenta dan il-premju mistħoqq lis-Sur Norman Aquilina, il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Farsons.

Fid-diskors tiegħu, is-Sur Aquilina rringrazzja lill-Borża ta’ Malta għal dan ir-rikonoxximent, u lit-tim maniġerjali ta’ Farsons talli kienu l-protagonisti fil-kisba ta’ dawn ir-riżultati inkoraġġanti. Qal li: “Il-fatt li r-riżultati tagħna qed jiġu rikonoxxuti jagħmilna kburin tassew b’dak li rnexxielna niksbu f’din is-sena ta’ sfidi kbar. Ir-riżultati finanzjarji tagħna jirriflettu b’mod usa’ l-istandards tal-kwalità u l-valuri li nħaddnu u nipprattikaw fin-negozju tagħna.”  

Is-Sur Aquilina semma wkoll li “Fid-dawl tal-pressjonijiet kontinwi tas-suq, Farsons qed tara li tibqa’ ffukata strateġikament fuq il-kompetittività, mhux biss fejn jidħlu l-ispejjeż imma wkoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-kapaċitajiet tagħna.” Ikkonkluda: “Se nibqgħu nħarsu ’l quddiem b’viżjoni biex naraw li nibqgħu minn ta’ quddiem u f’pożizzjoni tajba ħalli nibqgħu mexjin ’il quddiem u niksbu r-riżultati.” 

SFC bdiet tikkwota l-ishma tagħha fil-Borża fl-1995, u kienet l-ewwel kumpanija tas-settur privat li mhix fis-settur bankarju li għamlet dan. 

Il-premjijiet annwali tal-Borża ta’ Malta jiġbru taħt saqaf wieħed lil diversi entitajiet tas-suq Malti u jagħrfu nies u organizzazzjonijiet li jkun jixirqilhom premju għall-kisbiet tagħhom.

Sport