L-eks champion Paralimpiku, Oscar Pistorius ,se jinħeles mill-ħabs, kważi 11-il sena wara li qatel lit-tfajla tiegħu, Reeva Steenkamp.
Huwa spara lil Steenkamp diversi drabi minn bieb tal-kamra tal-banju f’jum San Valentinu fl-2013, wara li sostna li huwa kien spara għax ħaseb li daħal xi ħadd biex jisirqu.
Pistorius, li llum għandu 37 sena, kien ikkundannat minn qorti tal-Afrika t’Isfel fl-2016 biex jiskonta 13-il sena ħabs.
Il-bord tal-parole stabbilixxa l-ħelsien tiegħu għall-5 ta’ Jannar 2024.
Omm Steenkamp ma opponietx il-libertá proviżorja iżda – f’ittra mibgħuta lill-bord tal-parole – staqsiet jekk il-“kwistjonijiet ta’ rabja kbira” ta’ Pistorius kinux verament ittrattati fil-ħabs, u żiedet li hi potenzjalment se tkun “imħassba għas-sigurtà ta’ kwalunkwe mara” li issa se tiġi f’kuntatt miegħu.
June Steenkamp għażlet li ma tattendix għas-seduta tal-parole nhar il-Ġimgħa fil-ħabs ta’ Atteridgeville, qrib Pretoria. Żewġha u missier Reeva, Barry, miet aktar kmieni din is-sena u qalet li l-piż fuqhom it-tnejn kien kbir.
Din kienet it-tieni seduta tal-parole ta’ Pistorius f’inqas minn sena.
L-ewwel offerta tiegħu għall-parole tneħħa f’Marzu minħabba li ma kienx lesta l-perjodu minimu ta’ detenzjoni. Aktar tard dan ġie deċiż bħala żball mill-Qorti Kostituzzjonali tal-Afrika t’Isfel, li wassal għas-smigħ tal-parole tal-Ġimgħa.