Thursday, May 16, 2024

Jibdew 16-il jum ta’ attiviżmu b’kuxjenza dwar il-vjolenza domestika

Aqra wkoll

Dr Lydia Abela, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg u l-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Samantha Pace Gasan nidew kampanja ta’ 16-il jum ta’ attiviżmu b’kuxjenza dwar il-vjolenza domestika. Bit-tema “Beat The Silence”, f’dawn il-jiem se jkompli jitwassal messaġġ favur li jingħeleb is-silenzju li jbatu fih il-vittmi ta’ vjolenza domestika u jkompli jingħata għarfien marbut mas-suġġett.

Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela saħqet li l-għarfien fuq il-vjolenza domestika jibqa’ dejjem importanti iżda partikolarment f’dawn il-jiem t’attiviżmu jitwassal messaġġ sod biex tiżdied il-kuxjenza fuq is-suġġett. Saħqet fuq l-edukazzjoni b’rabta mal-vjolenza domestika u l-għajnuna għall-vittmi.

Dr Abela sostniet li l-fatt li persuna titlob l-għajnuna minħabba l-vjolenza domestika mhuwiex att ta’ dgħufija u hawn irrimarkat għal passi u azzjonijiet li qed jittieħdu biex jiġu indirizzati r-realtajiet ta’ vjolenza domestika. “Il-bidliet u r-riformi li kontinwament qed jiġu mbuttati jibqgħu l-aqwa għodda biex nikkumbattu l-vjolenza domestika,” sostniet Lydia Abela. Hija ma sellmitx biss lil vittmi ta’ vjolenza domestika iżda anki lill-professjonisti u ħaddiema li jaħdmu mal-vittmi.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg saħqet li t-tema ta’ din is-sena hija sejħa mill-qalb sabiex persuni li qed jesperjenzaw il-vjolenza kemm abbażi tal-ġeneru kif ukoll dik domestika jfittxu l-għajnuna professjonali. “Irid nisħaq li din il-kampanja hija immirat mhux biss għal vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika, iżda trid tilħaq ukoll individwi oħrajn bħal qraba, ħbieb u kollegi sabiex huma wkoll jagħmlu l-kuraġġ u jitkellmu fejn għandhom jitkellmu, biex iwaqqfu l-vjolenza u b’hekk ikun ta’ għajnuna u ta’ sostenn għal vittmi,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Is-Segretarju Parlamentari żiedet tgħid li din il-kampanja ta’ 16-il jum la hija l-bidu u lanqas it-tmiem tal-ħidma li rridu nagħmlu kemm bħala Gvern kif ukoll bħala soċjetà, biex niġġieldu l-vjolenza domestika. “F’din il-kampanja ser nagħtu spinta l-ħidma tagħna b’diversi inizjattivi, inkluż Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni mifrux fuq ħames snin, għaliex din l-problema tinsab fuq l-aġenda tagħna tul il-ġranet kollha tas-sena”, qalet is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg.

Min-naħa tagħha, il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Samantha Pace Gasan qalet li matul il-kampanja tas-16-il jum, il-Kummissjoni flimkien ma’ diversi Ministeri, għaqdiet, entitajiet u organizzazzjonijiet, fasslet programm miżgħud b’inizjattivi u attivitajiet b’għan li jitqajjem għarfien dwar il-kumplessità tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika filwaqt li permezz ta’ attiviżmu kollettiv, nies li qed jesperjenzaw il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika jiġu mħeġġa jegħlbu s-silenzju u jfittxu l-għajnuna.

Pace Gasan spjegat li ser ikunu organizzati diversi inizjattivi li jolqtu gruppi soċjali varji, inkluż l-anzjani, it-tfal, komunitajiet f’pajjiżna, sportivi u ħaddiema minn diversi setturi.

Sport