Tuesday, December 24, 2024

Farsons torganizza s-serata annwali tal-unuri għall-impjegati

Aqra wkoll

L-attività annwali tal-‘Cause for Applause’ u ‘AIM Awards for Employees’ tal-Grupp Farsons ittellgħet fil-bidu ta’ dan ix-xahar f’Kettles Café and Bistro, f’The Brewhouse, l-Imrieħel.

Is-serata tal-unuri Cause for Applause tnediet fl-2015 u tippremja impjegati li jistgħu jitqiesu xempju ta’ eċċellenza għax bl-imġiba tagħhom ikunu konsistenti fl-attitudni, l-integrità, ir-rispett, il-motivazzjoni, u d-dinamiżmu fuq ix-xogħol u lil hinn. 

Ir-rebbieħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena kienu Elena Chetcuti li rebħet iż-Zest Award; Ivan Lomax li kiseb il-Wellness Award; Ajith Raveendran Pezhumchuvattil li kien onorat bix-Shine & Sparkle Award, u Christopher Micallef li rebaħ il-Cause for Applause Award.

Ingħataw ukoll premjijiet ta’ rikonoxximent speċjali lit-timijiet ta’ Farsonsdirect u tar-Riżorsi Umani. L-impjegati ta’ Farsonsdirect ġew onorati għall-isforzi u d-dedikazzjoni tagħhom matul l-2021, partikolarment fl-aħħar kwart tas-sena. L-impjegati tat-Taqsima tar-Riżorsi Umani kisbu dan l-unur għall-impenn qawwi, il-lealtà u l-isforzi kontinwi tagħhom matul is-sena li għaddiet minkejja l-isfidi kollha li kellhom iħabbtu wiċċhom magħhom f’xogħolhom.

Fl-istess serata tqassmu l-AIM (All Ideas Matter) Awards li għarfu l-aqwa tliet suġġerimenti mibgħuta mill-impjegati fl-aħħar sena finanzjarja. Dawn l-unuri jagħtu l-opportunità lill-impjegati li jissuġġerixxu huma stess kif il-prattiċi tax-xogħol jistgħu jittejbu u biex tkun imbuttata kultura ta’ żvilupp professjonali. Il-Premju għall-Aqwa Suġġeriment ingħata lil Angelo Muscat b’rabta mal-proposta tiegħu fuq il-ħasil tal-bottijiet. 

Is-Sa Antoinette Caruana, il-Manager tat-Taqsima tar-Riżorsi Umani tal-Grupp, qalet li: “L-impjegati li jiksbu dawn l-unuri għandhom iservu ta’ mudell mill-aqwa għal sħabhom tax-xogħol, imma aħna konxji li l-maġġoranza tal-impjegati tagħna jħaddnu l-valuri etiċi sodi tal-Kumpanija mal-kollegi, il-klijenti, il-konsumaturi u dawk kollha li jiġu f’kuntatt magħhom. Is-sehem ta’ kull impjegat u impjegata jagħmlu d-differenza għall-kisbiet tagħna.”

Ekonomija

Sport