Friday, May 3, 2024

Protesti fl-Indja wara każ ieħor ta’ stupru u qtil ta’ tewmien ġejjin mill-komunità Dalit

Aqra wkoll

Żewġ nisa tewmin instabu mejtin fl-istat ta’ Uttar Pradesh fl-Indja f’dak li qiegħed ikun meqjus bħala każ ta’ ħtif u stupru. 

Il-Pulizija qalu li l-katavri nstabu fid-distrett ta’ Lakhimpur, u dawn bdew investigazzjoni wara li l-familja tal-vittmi qiegħda tallega li dawn it-tfajliet ġew maħtufa u stuprati. B’kollox kien hemm sitt irġiel li ġew arrestati b’rabta ma’ dan il-każ. 

Hu mifhum li dawn it-tewmin, li għandhom taħt it-18-il sena, jappartjenu għall-komunità Dalit li hija waħda li ta’ sikwit tispiċċa fil-mira ta’ diskriminazzjoni fost il-komunità tal-Hindu. Minkejja li saħansitra l-kostituzzjoni stess tipproteġi lil din il-komunità, dawn spiss ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ preġudizzju u vjolenza, każ partikolari hu dak tal-2020 meta grupp ta’ persuni kienu stupraw tfajla ta’ 19-il sena f’Uttar Pradesh ukoll u dan kien wassal għal għadd ta’ protesti. Dan l-aħħar każ tat-tewmien ukoll wassal għal protesti min-nies tal-lokal u partiti tal-oppożizzjoni.

Il-midja tal-lokal irrapportat li l-omm qiegħda tallega li t-tfal tagħha kienu maħtufa minn irġiel li kienu qed isuqu muturi u qalet li hija ġiet attakkata wkoll hekk kif ipprovat twaqqafhom. 

Immedjatament il-familjari bdew ifittxuhom, sa­kemm finalment sabuhom mejtin. Il-pulizija tal-lokal qalu li l-aggressuri li wettqu dan il-qtil ipprovaw jimmanipulaw ix-xena tad-delitt biex tqarraq bil-awtoritajiet u jagħmluha tidher daqsli­kieku dawn it-tewmin neħħew ħajjithom b’idej­hom.

Sport