Friday, November 1, 2024

Fatturi soċjali li jistgħu jtejbu l-kwalità tas-separazzjoni tal-iskart

Aqra wkoll

Aktar ma tkompli tiżdied, tikber u ssir densa l-popolazzjoni, l-industrija u aktar spazji jsiru urbani, aktar tkompli tikber u tiżdied il-problema tal-iskart madwar id-dinja.

Dan jagħmilha ferm aktar importanti li jkollna sistemi ta’ separazzjoni, tħaddim ta’ ekonomija ċirkulari u rkupru ta’ materjali sabiex kemm jista’ jkun ma jkunx meħtieġ li nutilizzaw aktar miżbliet. Biex nimxu lejn ekonomija aktar ċirkulari huwa meħtieġ l-isforz, il-kollaborazzjoni, parteċipazzjoni b’mod attiv, u r-rieda tal-pubbliku. 

Biex dan isir, il-Kunsilli Reġjonali u Lokali, flimkien mal-Gvern Ċentrali, għandhom rwol importanti. Il-Kunsilli Lokali, bħala l-eqreb awtorità tar-resident, għandhom jaraw li joħolqu pjattaformi li permezz tagħhom ikun hemm kuntatt kontinwu mar-residenti sabiex jassiguraw li n-nies, mhux biss jifhmu l-importanza li huma għandhom f’dan il-process imma wkoll id-differenza ambjentali li tista’ ssir bl-involviment tagħhom. 

Dan huwa parti mill-obbligu ċiviku u soċjali li kull wieħed u waħda minna għandna lejn dawk li ġejjin warajna. Wara kollox, l-iskart ma jiġġenerah ħadd ħliefna u meta tisma’ argumenti bħal li l-Gvern tefa’ l-piż fuq il-pubbliku biex ikollna sistema ta’ separazzjoni tajba, assolutament ma jagħmilx sens.

Min iktar għandu jara li jiddisponi mill-iskart tiegħu jekk mhux min qed jiġġenera l-istess skart? U dan huwa kruċjali fil-ħidma tal-Kunsilli Lokali għaliex huwa obbligu tagħhom li jwasslu dan il-messaġġ għand ir-residenti. Importanti li jitqassm materjal pubbliċitarju u edukattiv, kif diġà jsir, imma huwa wkoll kruċjali li nipprovdu sistemi, anki alternattivi, sabiex nagħtu għażliet differenti lir-resident kif jiddispondi b’mod tajjeb mill-iskart tiegħu.

Irrid nieħu l-argument għal proposta li kienet saret mill-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali tal-famużi ‘collection points’. X’inhuma dawn il-‘collection points’?

‘Collection point’ huwa sit li jinkorpora fih ‘bins’ kuluri differenti skont il-kuluri tal-boroż li fihom narmu l-iskart tagħna; sewda, ħadra jew griża, u bajda. Magħhom wieħed jista’ jżid il-ħġieġ u l-metall ukoll, imma għal dawn tal-aħħar hemm il-bring-in-sites li huma kuncett differenti milli qed nispjega hawn, però jistgħu jaħdmu flimkien.

X’inhi d-differenza? Dawn il-‘collection points’ għandhom ikunu assenjati ma’ numru ta’ toroq speċifiċi, fejn ir-residenzi li joqogħdu f’dawk it-toroq ikollhom aċċess permezz ta’ card għal dawn il-bins. Dawn il-bins iridu jkunu sa mhux aktar minn massimu ta’ 200-300 metru bogħod mir-residenza. 

Filwaqt li kull resident li joqgħod f’dawn it-toroq assenjati jista’ jagħmel użu mis-sit f’kull ħin tal-ġurnata mingħajr restrizzjoni ta’ ħin, kull bin ikun jista’ jinfetaħ biss skont l-ammont ta’ drabi li l-kulur tal-borża tiegħu tinġabar bl-iskeda nazzjonali. 

Biex nagħti eżempju, jekk il-borża s-sewda tinġabar darbtejn fil-ġimgħa minn wara l-bieb, kull resident ikun jista’ jiftaħ il-bin tal-borża s-sewda ukoll darbtejn fil-ġimgħa. Jekk il-borża l-bajda, tinġabar tlett ijiem fil-ġimgħa, l-aċċess għall-bin tal-borża l-bajda jkun tliet darbiet fil-ġimgħa. 

L-istess siti jridu jkunu mgħammra b’teknoloġija fejn il-Kunsill ikun qed jirċievi d-data li tkun tinkludi fost l-oħrajn, il-piż mitfugħ, ir-residenti li qed jagħmlu użu mis-sit u mil-liema bins, kif ukoll meta jkun wasal iż-żmien li dawn jitbattlu.

Din hija data kruċjali li llum il-Kunsill m’għandux. Dan iwassal sabiex il-Kunsill ikun jaf jekk persuna hija tagħmel użu biss mill-bin tal-borża s-sewda. Dan ikun ifisser li dak ir-resident ma jkunx qed jissepara l-iskart tiegħu. Bl-istess mod, jekk xi ħadd ikun qed juża l-bins kollha skont il-ġurnata imma fil-kontenitur ikun jibdew jinstabu boroż bi skart imħallat.

Dan iwassal biex il-Kunsill Lokali issa jkun jista’ jidentifika liema huma ż-żoni partikolari fil-lokal li fihom ikun hemm bżonn aktar kampanji u infurzar. Jgħin ukoll għaliex b’hekk inkunu qed nagħtu alternattiva lir-residenti li għandhom problema, għal xi raġuni jew oħra, li joħorġu l-iskart fil-ħin indikat mill-kunsill. 

F’qafas u mekkaniżmu bħal dan, ħadd ma jista’ jgħid li ma tkunx qed issir ġustizzja jekk jigi mħarrek fuq abbuż għax issa ma jkunx hemm aktar skużi li wieħed ma setax joħroġ il-borża skont l-iskeda jew ħin, għaliex tkun qed tingħata alternattiva oħra għal ġbir bieb bieb.

Meta din tindara, hemm vantaġġi oħra għaliex bi ftehim mar-residenti, Kunsill jista’ jasal fi qbil li dawk it-toroq partikolari jew parti minnhom, ma jkunx meħtieġ li ssir kollezzjoni bieb bieb u dan iwassal għal inqas traffiku, anqas ħin ta’ trakkijiet fic-ċirkolazzjoni u anqas emissjonijiet għaliex il-ġabra tieħu ferm u ferm anqas ħin. Dan il-pass irid isir meta s-sistema tindara, fejn ikun possibbli li jsiru dawn is-siti u wara konsultazzjoni mar-residenti involuti. 

Meta din il-proposta ressaqtha fl-2017, imbagħad fl-2019 mill-ġdid u anki riċenti, dak iż-żmien (2017 – 2019) kien hemm min ma fehemx il-mod kif din topera u kien pront qal li din ma tistax issir f’pajjiżna. Illum jidher li tal-inqas hemm min lest jisma u jevalwa. 

Ghaldaqstant nemmen li l-Kunsilli Lokali għandhom jingħataw l-opportunità li jinvestu fi proġetti bhal dawn billi jkun hemm allokazzjoni dedikata apposta għalhekk. Dan għaliex proġett bħal dan, anki jillibera l-bankini tagħna minn għadd ta’ boroż li jinħarġu kmieni u permezz tagħhom jingħalaq l-aċċess għal min irid jimxi. Biex ma nsemmux il-ħmieġ li dan iġib miegħu u d-dehra ta’ telqa li tidher fil-lokalitajiet sakemm issir il-ġabra kollha. 

Mhux ngħid li dan jista’ jsir kullimkien imma għandna nibdew nesploraw il-possiblità fejn hu possibbli li jsiru. Eżempju prattiku huwa Għawdex fejn ikollok għadd ta’ Maltin u barranin li fi tmiem il-ġimgħa jħallu farmhouses biex jiġu lura Malta u joħorġu boroż suwed wara li jridu jagħmlu hemm sat-Tlieta tal-ġimgħa ta’ wara. Immaġinaw ftit kieku dawn ikollhom sit simili fejn jistgħu jarmu l-iskart separat tagħhom bi skema li titħaddem mas-sidien tal-istess farmhouses jew appartamenti. Postijiet bħal San Lawrenz, Għarb u Għasri, jistgħu jinvestu f’sit bejniethom, biex nagħti eżempju. 

Il-possibiltajiet huma hafna. Is-soluzzjonijiet ukoll. Kulma hu meħtieġ hu rieda li wieħed jisma u jalloka l-finazjament meħtieġ biex proġetti simili jiġu implimentati mill-Kunsilli u Reġjonali tagħna, li taħthom taqa’ r-responsabbiltà tal-immaniġġjar tal-iskart.

Sport