Friday, May 3, 2024

Waslet l-24 Edizzjoni ta’ APS Teatru Unplugged!

Aqra wkoll

APS Teatru Unplugged għandu post fiss fil-kalendarju Malti. Din is-sena tkompli l-24 edizzjoni tiegħu b’aktar talent lokali u pjaċir previst għal kull min beħsiebu jattendi. Il-kunċerti mistennija joffru taħlita mużikali għall-gosti differenti ta’ kulħadd u programm li jkompli jżewwaq l-avvenimenti kulturali skedati għal Malta fil-ħarifa.

APS Teatru Unplugged kien proġett ta’ Nirvana Ciavola Azzopardi u Jonathan Shaw u ttella’ għall-ewwel darba fl-1998. Minn dak iż-żmien ’l hawn, sar wieħed mill-aktar avvenimenti stabbiliti u antiċipati fil-pajjiż b’kunċerti mqassma fuq jumejn filgħaxijia u li jiġbru t-talent artistiku u t-tendenzi mużikali kontemporanji fil-gżira.

Mill-mewt ta’ Nirvana Ciavola Azzopardi fl-2013, APS Teatru Unplugged sar kemm kommemorazzjoni tal-ħajja tagħha kif ukoll ċelebrazzjoni tat-talent mużikali Malti. Din is-sena, ix-xogħol tal-produzzjoni għadda minn Jonathan Shaw għal Julia Hickey fi sħab mat-Teatru Manoel. Hickey ilha taħdem ma’ Teatru Unplugged mill-2013 f’kollaborazzjoni ma’ Shaw u mad-direttur artistiku Renzo Spiteri. Kemm Shaw kif ukoll Spiteri kunfidenti li hija ser iżżomm ħaj l-ispirtu u l-atmosfera tal-avveniment.

L-edizzjoni ta’ din is-sena tilqa’ wkoll bħala l-preżentatur ewlieni lil Colin Fitz. Fitz huwa magħruf għal xogħlu fl-istampa u fix-xandir, u għall-karattru uniku u umoristiku tiegħu. Huwa ser ikun qiegħed imexxi l-udjenza tul iż-żewġ serati billi jintroduċi lill-artisti kif ukoll joffri l-kummentarju tipiku tiegħu.

APS Teatru Unplugged ser ikun qiegħed ilaqqa’ artisti lokali ġodda ma’ ismijiet iktar magħrufa. L-artisti parteċipi din is-sena huma Dario Genovese, Djun, Family3 ma’ Jackie Pace Delicata, Chasing Pandora u Moira Stafrace. Il-mużika li ser joffru tvarja minn alt rock sa melodiji pop aktar aċċessibbli, u dejjem fuq it-tema akustika li huwa magħruf għaliha l-avveniment.

Din l-edizzjoni ta’ APS Teatru Unplugged qegħda ssir b’tifkira tal-kofundatriċi Nirvana Ciavola Azzopardi, għaxar snin minn mewtha bil-kanċer tas-sider. Matul il-kunċerti, ser ikunu qegħdin jinġabru donazzjonijiet għall-Hospice Malta, b’appoġġ sħiħ għax-xogħol tagħhom. Id-donazzjonijiet ser jinġabru matul l-avveniment jew online fuq https://hospicemalta.org/product/teatru-unplugged-donation/

APS Teatru Unplugged ser isir fit-3 u l-4 ta’ Novembru fit-teatru prestiġjuż tal-Manoel fejn ilu jsir mill-bidu tiegħu fl-1998. It-Teatru Manoel illum il-ġurnata huwa wkoll sħab fil-produzzjoni. Dan huwa wieħed mill-aktar avvenimenti mistennija fil-kalendarju kulturali Malti u l-biljetti jinbigħu malajr – aħsbu għalihom minn qabel.

Il-kunċerti jiftħu fit-3 ta’ Novembru fit-8pm u l-għada, 4 ta’ Novembru fl-istess ħin. Il-biljetti jistgħu jinxtraw mis-sit uffiċjali tat-Teatru Manoel https://teatrumanoel.mt/, billi ċċempel +356 2124 6389, jew mal-bieb fi Triq it-Teatru l-Antik, il-Belt Valletta. Ħerqana li nilqgħukom għal din l-edizzjoni ta’ APS Teatru Unplugged u nittamaw li d-divertiment li sibtu fih fis-snin li għaddew tesperjenzawh mill-ġdid din is-sena wkoll.

Teatru Unplugged Artwork  / Artist Photos / Artist Bios / Artist Social Media Links 

Sport