Friday, May 3, 2024

Sessjonijiet ta’ taħriġ tal-Motor Activities Training Programme (MATP) b’kollaborazzjoni ma’ Special Olympics Malta

Aqra wkoll

’Il fuq minn 285 persuna b’diżabilità li jattendu ċ-ċentri ta’ matul il-jum immexxija minn Aġenzija Sapport ilbieraħ ipparteċipaw f’tornej ta’ boċċi u sessjonijiet ta’ taħriġ tal-Motor Activities Training Programme (MATP) b’kollaborazzjoni ma’ Special Olympics Malta.

Dan wara parata tal-ftuħ bil-parteċipazzjoni tal-istess klijenti. L-attività, li saret fil-Kumpless Sportiv talKottonera, kellha attendenza minn 11-il ċentru minn Malta u Għawdex u attendew għaliha wkoll rappreżentanti internazzjonali minn Special Olympics.

Din l-attività ttellgħet bħala parti minn ftehim bejn Aġenzija Sapport u Special Olympics Malta li permezz tiegħu persuni b’diżabilità jibbenefikaw minn taħriġ u programmi mmexxija minn coaches professjonali.

Il-programm tal-MATP hu intenzjonat itejjeb il-koordinazzjoni u l-kontroll tal-moviment tal-ġisem. Il-klijenti li jibbenefikaw minnu huma dawk li għandhom diffikultajiet ta’ mobbiltà, għandhom diżabilità severa, ma jistgħux jipparteċipaw
f’taħriġ ieħor ta’ Special Olympics Malta u/jew jikkompetu minħabba t-tip ta’ diżabilità tagħhom u dawk li għandhom diffikultà fl-imġiba u ma jistgħux isegwu dixxiplina sportiva.

Tliet rappreżentanti barranin ta’ Special Olympics, Dr Eleni Rossides, Dr Niamh Mourton u Pamela Herrera li attendew għal din l-attività kellhom kliem ta’ tifħir għall-mod kif jaħdem Special Olympics Malta tant li ddeskrivew il-mudell Malti bħala l-akbar fid-dinja u li se jirreplikawh f’pajjiżi oħrajn. Qalu li ċ-ċentri ta’ matul
il-jum barranin m’għandhomx programmi simili f’dak li huwa kobor.

Mart il-Prim Ministru u l-President ta’ Special Olympics Malta Dr Lydia Abela rrimarkat għall-missjoni ta’ Special Olympics li timbotta l-inklussività anki fl-isport. Saħqet li l-aspett fiżiku tal-persuni b’diżabilità huwa importanti wkoll apparti li Special Olympics tgħin bi sħiħ biex kull persuna tasal għall-potenzjal tagħha. “Kulħadd għandu jkollu opportunità li jilħaq il-milja tiegħu u b’dinjità”, irrimarkat Dr Abela hi u tinnota ħidma kollettiva bejn bosta fis-settur tad-diżabilità.

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli esprimiet sodisfazzjon għall-parteċipazzjoni daqstant numeruża minn persuni b’diżabilità. “Parteċipazzjoni li tixhed blaktar mod ċar kemm il-persuni konċernati qegħdin japprezzaw u jirrikonoxxu ħidmet dawk kollha involuti,
partikolarment Aġenzija Sapport u Special Olympics Malta. Imma mhux biss. Il-fatt li fuq skala internazzjonali l-programm Malti qed jitqies bħala mudell li għandu jkun segwit minn pajjiżi oħrajn jimliena b’sodisfazzjon. Rikonoxximent bħal dan ikompli jistimulana f’ħidmietna u jkattrilna l-kuraġġ biex inkomplu nilħqu miri oħrajn.”

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima faħħar lil Special Olympics Malta għax-xogħol siewi li jsir matul is-sena kollha u qal li din il-ħidma qed tħalli l-frott tagħha. IlMinistru Grima semma li fl-aħħar snin l-atleti ta’ Special Olympics kisbu diversi suċċessi kemm fuq livell sportiv, anke fil-fora internazzjonali, kif ukoll fuq livell uman u personali fejn jintlaħaq l-iżvilupp sħiħ tal-persuna.

Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, enfasizza l-importanza ta’ attivitajiet bħal tal-lum fejn persuni b’diżabilità jistgħu jintegraw flimkien u juru l-progress li jkun sar matul iż-żmien grazzi għall-programm tal-MATP.

Dan il-ftehim ma’ Special Olympics Malta sar wieħed integrali fl-iskeda ta’ inizjattivi mwassla fiċċentri ta’ matul il-jum u jindirizza l-bżonnijiet individwali tal-klijenti waqt li jsaħħaħ l-inklużjoni permezz talisport u programmi varji li jilħqu persuni b’abbiltajiet differenti.

Il-parteċipanti kollha ġew preżentati b’midalja minn Dr Lydia Abela bħala rikonoxximent.

Sport