Saturday, November 30, 2024

F’Awwissu komplew jissaħħu l-indikazzjonijet ta’ rkupru ekonomiku

Aqra wkoll

Sensiela ta’ indikaturi ekonomiċi juru li l-irkupru ekonomiku kompla jissaħħaħ

Fix-xahar ta’ Awwissu l-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra defiċit ta’ €34 miljun. Dan kien l-anqas defiċit osservata minn meta bdiet l-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna. L-iżbilanċ bejn dħul u nfiq f’Awwissu kien 10% biss tad-defiċit ta’ €295 miljun osservat f’April. L-iżbilanċ filfatt ilu jonqos xahar fuq xahar minn Ġunju. Wieħed mill-elementi li wassal għal dan it-tnaqqis fl-iżbilanċ kien li d-dħul tal-Gvern beda jirkupra. It-tnaqqis osservat f’Awwissu kien ta’ 24%, meta mqabbel mal-40% li kien irreġistrat fix-xahar ta’ qabel. 

Raġuni ewlenija wara dan l-iżvilupp kien li mit-taxxa tad-dħul f’Awwissu il-Gvern daħħal €165 miljun. Għalkemm dan kien anqas mill-ammont miġbur fl-2019, dan kien ogħla mill-ammont miġbur fl-istess xahar fl-2018.

Il-fatt li kien hemm dħul tajjeb mill-income tax huwa ndikatur dirett li l-attivita tan-negozji bdiet tirpilja. Dan huwa korroborat mir-riżultat tal-istħarriġ li ta’ kull xahar tagħmel il-Kummisjoni Ewropea fost madwar elf kumpanija u elf u ħames mitt familja. Filfatt l-indiċi tas-sentiment ekonomika f’Awwissu tjieb b’18% fil-livell ta’ 75. Fl-industrija kien hemm titjib ta’ 33% fil-kunfidenza, u għat-tieni xahar konsekuttiv hemm maġġoranza ta’ fabbriki li qed jistennew żieda fil-produzzjoni. Dan b’kuntrast ma April meta nofs il-fabbriki kienu jbassru tnaqqis. Il-fabbriki issa qed igħidu li għandhom ordnijiet ghal kważi sena ta’ produzzjoni. Fis-servizzi kien hemm żieda akbar, ta’ 55%, fil-kunfidenza, tant li għall-ewwel xahar minn Marzu hemm maġġoranza ta’ operaturi li qed jgħidu li se żżidu l-impjiegi fix-xhur li ġejjin. Il-kumpaniji tal-kostruzzjoni rraportaw li ghandhom xoghol b’lura għal disgħa xhur.

Il-Bank Ċentrali wkoll fl-Economic Update li ppublika din il-ġimgħa sostna li hemm sinjali ta’ rkupru ekonomiku. Tant li l-indiċi tal-kundizzjonijiet ekonomiċi li jippublika wera titjib għat-tieni xahar konsekuttiv. Il-Bank Ċentrali nnota sinjali ta’ rkupru fil-produzzjoni ndustrijali u fil-bejgħ mill-ħwienet, kif ukoll li l-attivita tal-kostruzzjoni għadha relattivament għolja.

Dan qed ikun rifless fl-andament tas-suq tax-xogħol. In-numru ta’ persuni jirreġistraw naqsu għat-tielet xahar konsekuttiv.  Filwaqt li f’Mejju l-ammont ta’ nies jirreġistraw kien tela’ għal 4,409, sal-aħħar ta’ Awwissu n-numru ta’ dawk ifittxu xogħol kien naqas għal 3,672. Dan wara li f’Ġunju il-qgħad niżel b’139 persuna, f’Lulju b’289 u f’Awwissu b’309. B’hekk wieħed minn kull sitt persuni qiegħda f’Mejju issa ma għadhomx jirreġistraw.

Is-saħħa tal-irkupru ekonomiku qed tinħass saħansitra b’aktar qawwa fil-gżira Għawdxija. Kumparat ma’ Mejju, f’Awwissu n-numru ta’ dawk jirreġistraw issa huwa 28% anqas. Li jfisser li wieħed minn kull erbgħa persuni li kienu jirreġistraw f’Mejju issa sab impjieg. Dan jirrefletti l-fatt li t-turiżmu domestiku minn Malta ssostitwixxa t-telf mit-turiżmu barrani.

Statistika miġbura mill-Google li tqabbel il-moviment tal-persuni lejn diversi postijiet ma’ kif kien qabel il-miġja tal-coronavirus jindika li f’Awwisu s-sitwazzjoni kompliet tiġi għan-normal. Filfatt l-moviment lejn ħwienet u postijiet ta’ divertiment kien 2.6% biss inqas minn dak li kien qabel. Dan huwa punt perċentwali aħjar mir-riżultat ta’ Lulju u jikkuntrasta bil-kbir ma’ April meta il-moviment ta’ persuni lejn ħwienet u postijiet ta’ divertiment kien naqas b’aktar minn 45%.

Sport