Monday, February 9, 2026

Fażijiet Finali u Play-Offs: Ġimgħa Kruċjali għall-Futsal f’Malta

Aqra wkoll

Ġimgħa kruċjali għall-futsal f’Malta hekk kif il-kampjonat maskili daħal fil-fażi finali tiegħu, filwaqt li fil-kampjonat femminili ġew deċiżi t-timijiet li se jikkompetu fil-play-offs.

Fil-kampjonat tan-nisa kellna rebħa oħra għal Zero Sei Futsal, li komplew jikkonfermaw id-dominanza tagħhom b’suċċess ta’ 6-2 kontra St. George’s Futsal. Fl-istess ħin, Luxol Sports Club Futsal Argus approfittaw minn dan ir-riżultat u kisbu rebħa kbira ta’ 7-0 kontra Parr Mela Rockets Futsal, biex telgħu fit-tieni post tal-klassifika. Rodianne Borg kienet il-protagonista tal-partita wara li skorjat erba’ gowls.

Min-naħa tagħhom, Swieqi United Futsal LEC07 assiguraw ruħhom mill-aħħar post disponibbli għall-play-offs wara li għelbu lir-rivalli diretti St. Andrew’s Futsal bl-iskor ta’ 2-0, bi Krista Montfort tiskurja ż-żewġ gowls tat-tim rebbieħ.

B’logħba waħda biss għat-tmiem tal-ewwel fażi, il-klassifika turi lil Zero Sei Futsal fl-ewwel post b’25 punt, segwiti minn Luxol Sports Club Futsal Argus b’19-il punt u St. George’s Futsal bi 17-il punt. Swieqi United Futsal LEC07 jinsabu fir-raba’ post b’10 punti, filwaqt li Parr Mela Rockets Futsal u St. Andrew’s Futsal jagħlqu l-klassifika.

Fil-kampjonat maskili tal-Challenger Futsal League intlagħbu żewġ logħbiet mill-Midweek Challenge. Santa Venera Lightnings Futsal kisbu rebħa kontra Futsal Selection U17, filwaqt li Futsal Selection U19 kisbu suċċess importanti ta’ 7-4, biex komplew iżommu l-ewwel post fil-klassifika.

Il-klassifika turi lil Futsal Selection U19 fil-quċċata b’9 punti, segwiti minn Santa Venera Lightnings Futsal b’7 punti. Sliema Futsal Fort Fitness jinsabu fit-tielet post b’4 punti, filwaqt li Futsal Selection U17 jinsabu fir-raba’ post.

Fil-Premier Futsal League rajna liż-żewġ timijiet fl-ewwel pożizzjonijiet fl-azzjoni u t-tnejn li huma ħarġu rebbieħa. Luxol St. Andrew’s Futsal kisbu rebħa kbira ta’ 9-1 kontra Zejtun Corinthians Futsal WA, biex issa saħħew l-ewwel post tal-klassifika. Min-naħa tagħhom, University of Malta Futsal komplew iżommu l-pass wara li għelbu lil Marsaskala Futsal Legends bl-iskor ta’ 3-1.

Il-klassifika tal-Premier League turi lil Luxol St. Andrew’s Futsal fl-ewwel post b’27 punt, segwiti mill-University of Malta Futsal b’24 punt. Marsaskala Futsal Legends jinsabu fit-tielet post b’18-il punt, segwiti minn GŻR Birżebbuġa St. Peter’s Futsal u Zejtun Corinthians Futsal WA.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport