Tuesday, November 11, 2025

‘F’Birżebbuġa ASC, aħna impenjati li nrawmu valuri billi noffru ambjent professjonali u ta’ appoġġ fejn il-plejers żgħażagħ jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom’ – James Bonnici McIntyre

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Meta kelli 11-il sena inżilt għall-ewwel darba nittrenja ma’ Birżebbuġa ASC, peress li dak iż-żmien, fis-sajf, ma kienx ikollna futbol u minn hemm ’il quddiem bqajt inħobb il-logħba tal-waterpolo. Din l-esperjenza mhux biss għenitni nikber bħala plejer, iżda wkoll bħala persuna li tħoss li trid tikkontribwixxi lura għal dak li taha l-klabb u l-ambjent tal-waterpolo.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala president ta’ Birżebbuġa ASC.

Bħala president ta’ Birżebbuġa ASC, ir-rwol tiegħi huwa li ngħaqqad lil kull min hu parti mill-klabb — plejers, kowċis, ħaddiema, membri tal-kumitat, ġenituri u partitarji — biex nilħqu viżjoni komuni ta’ tkabbir, eċċellenza u spirtu ta’ komunità. Inħoss li hija r-responsabbiltà tiegħi li noħloq l-aħjar ambjent possibbli biex l-atleti tagħna jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, insaħħu l-istruttura tal-klabb, u nagħmlu lil Birżebbuġa ASC post li jilqa’ lil kulħadd u li jattira aktar nies lejn l-isport tal-waterpolo u lejn l-isport tal-għawm.

Permezz tal-ħidma kollha li ssir fil-klabb, tal-miri li fassalna, u tal-investimenti li qed nagħmlu, jien konvint li flimkien se nkomplu nibnu l-klabb tagħna, mhux biss biex jikseb suċċess sportiv, iżda wkoll biex iġib sens ta’ kburija fost il-komunità tagħna kollha.

F’Settembu li għadda ħabbartu lil Jovan Popovic bħala l-kowċ il-ġdid tagħkom. Kif waqgħet l-għażla tagħkom fuq dan il-kowċ u x’qed tistennew minnu?

Domna ħafna naħsbu u nippjanaw fuq fejn irridu naslu bħala klabb fis-snin li ġejjin. B’dan f’moħħna, bħala kumitat wasalna għall-konklużjoni li biex nagħmlu pass ’il quddiem kellna bżonn kowċ ta’ esperjenza kbira, ta’ suċċess u li jifhem sew il-kampjonat Malti. Għalhekk għażilna lil kowċ Jovan Popovic, figura rispettata fid-dinja tal-waterpolo lokali u internazzjonali, li għandu esperjenza vasta kemm ma’ timijiet nazzjonali kif ukoll ma’ klabbs barranin u Maltin fl-ogħla livelli.

Minn mindu ngħaqad magħna diġà rajna l-frott tax-xogħol tiegħu, kemm fid-dixxiplina kif ukoll fil-mod professjonali kif iħejji lit-tim. Jien konvint li bil-kompetenza u bil-ħidma tiegħu, il-kowċ Jovan se jkun ta’ kontribut kbir fit-triq tagħna lejn it-tragwardi ambizzjużi li stabbilixxejna bħala klabb.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għall-Kampjonat tas-Sajf li ġej?

Fis-sajf li ġej se nieħdu sehem fil-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni, u l-ambizzjoni tagħna hi li nkunu fost il-favoriti biex nirbħu kemm il-kampjonat kif ukoll in-“Knock-Out”. Huwa ta’ sodisfazzjon għalina li fil-ġimgħat li ġejjin se jingħaqad magħna kowċ ieħor ta’ esperjenza kbira, Marco Orlovic, li ser ikun qed imexxi lit-timijiet tan-nursery tagħna. Il-ħatra tiegħu hija sinjal ċar ta’ kemm inqisu li n-nursery għandha rwol fundamentali fil-futur tal-klabb. Irridu naraw aktar tfal jingħaqdu magħna sa minn età żgħira, sabiex jikbru fil-klabb, jitgħallmu l-valuri tal-waterpolo u, fuq kollox, jikbru flimkien magħna lejn suċċessi futuri.

Rigward plejer barrani għal dan il-kampjonat, wasaltu fi ftehim?

Għadna ma wasalniex għal ftehim, iżda bħalissa, flimkien mal-kowċ, qegħdin nikkunsidraw b’attenzjoni l-aħjar għażliet possibbli għall-klabb u għat-tim tagħna. L-objettiv tagħna hu li nagħżlu plejer barrani li mhux biss isaħħaħ il-livell tekniku tat-tim, iżda wkoll jaqbel mal-viżjoni ta’ Birżebbuġa ASC.

Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-livell tal-waterpolo Malti ogħla ħafna meta nqabblu maż-żmien ta’ meta konna tfal aħna. Fejn qabel konna nilagħbu biss fit-tliet xhur tas-sajf , illum il-waterpolo Malti jintlagħab tul is-sena kollha u tista’ tgħid ma nieqfu xejn. Dan ġab miegħu kambjament kbir fil-waterpolo Malti. Ma ninsewx ukoll l-investimenti kbar li għamlu u li qed jagħmlu l-klabbs Maltin tal-waterpolo. Pereżempju l-klabb tagħna investa ħafna f’pixxina msaħħna li tagħti lill-plejers l-opportunità li jibqgħu għaddejjin bit-taħriġ tagħhom tul is-sena kollha.

Qabel, il-logħba kienet tintlagħab fl-ilma baħar u għalhekk kienet limitata biss għas-sajf. Illum, grazzi għal dawn l-investimenti fil-faċilitajiet moderni, qed jinħolqu opportunitajiet mill-aqwa kemm għal min jixtieq jibda dan l-isport kif ukoll għal min irid javvanza u jilħaq livelli ogħla.

U dak tar-riżorsi (pixxini) fejn tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?

Fejn qabel, fix-xitwa, it-taħriġ tal-klabbs u tat-timijiet kollha tal-waterpolo – kemm tal-kbar kif ukoll taż-żgħar – kien isir f’żewġ pixxini biss, issa l-ammont ta’ pixxini f’Malta u f’Għawdex żdied. Dan żgur li għen ħafna lill-klabbs kollha, għax naqqas il-pressjoni li kienet teżisti fuq il-pixxina nazzjonali, fejn kienu jitħarrġu t-timijiet ta’ kull klabb, it-timijiet tal-għawm u ta’ sports oħra tal-ilma.

Grazzi għall-investimenti kbar li saru matul is-snin, illum il-pixxini f’pajjiżna huma ta’ livell għoli. Kif semmejt qabel, il-klabb tagħna ħadem bis-sħiħ biex ikollu pixxina msaħħna f’Birżebbuġa – proġett li sar possibbli grazzi għall-appoġġ kbir tal-Gvern. Mingħajr din l-għajnuna, żgur li ma konniex naslu s’hawn. Illum, nistgħu ngħidu li għandna waħda mill-aqwa pixxini f’Malta, li mhux biss se tgħinna ntejbu t-taħriġ tat-timijiet tagħna, iżda wkoll se tgħinna nħajru aktar tfal lejn l-isports tal-waterpolo u tal-għawm sa minn età żgħira.

Tħoss li hawn biżżejjed kuxjenza rigward il-waterpolo f’Malta?

Nemmen li hemm bżonn ta’ iktar appoġġ għal dan l-isport li qed ikompli jikber f’Malta. L-interess fil-waterpolo żdied b’mod ċar, iżda żgur li hemm aktar potenzjal fejn nistgħu nikbru. Ma nistgħux ninsew li t-timijiet nazzjonali Maltin, kemm tal-kbar kif ukoll taż-żgħar sejrin tajjeb f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Aħna, bħala Birżebbuġa ASC, qed nagħmlu ħilitna biex inżidu l-kuxjenza u l-parteċipazzjoni fil-waterpolo u fl-għawm tul is-sena kollha — u l-investimenti li qed nagħmlu fil-faċilitajiet u fil-programmi tagħna huma prova ċara ta’ dan l-impenn tagħna.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-amministrazzjoni tal-waterpolo?

Il-waterpolo minn dejjem kien għal qalbi, u wara li waqaft mil-logħba bħala plejer, baqgħet fija x-xewqa li nibqa’ nikkontribwixxi lejn il-klabb. Tul is-snin servajt f’diversi karigi amministrattivi, inkluż dik ta’ President tal-klabb sa ftit snin ilu. Għalkemm għal sentejn waqaft mill-attività tal-kumitat, qatt ma tbegħidt verament mil-logħba u mill-klabb. Dan l-aħħar ħassejt li wasal il-mument biex nerġa’ nagħti sehmi, bl-aħjar mod li nista’, sabiex inkompli ngħin f’dan il-klabb. Nemmen bis-sħiħ li bil-membri dedikati tal-kumitat li għandna llum, flimkien ma’ dawk kollha li jaħdmu u joffru l-għajnuna tagħhom għall-klabb, se nkomplu nkabbru u nsawwru futur iktar b’saħħtu għal Birżebbuġa ASC.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.

Il-waterpolo f’Malta ilu snin twal igawdi minn tradizzjoni sabiħa, mibnija fuq passjoni, dedikazzjoni u mħabba kbira lejn dan l-isport minn ħafna nies. Dawn il-valuri għadhom sal-lum jispiraw ġenerazzjonijiet ġodda ta’ atleti li jridu javvanzaw u jirnexxu. Is-suċċess f’dan l-isport impenjattiv ma jiġix b’kumbinazzjoni — jitwieled mill-perseveranza, ix-xogħol f’tim u l-fiduċja fil-potenzjal ta’ kull plejer.

F’Birżebbuġa ASC, aħna impenjati li nrawmu dawn il-valuri billi noffru ambjent professjonali u ta’ appoġġ fejn il-plejers żgħażagħ jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, jgħożżu l-ħolm li jilħqu livelli għoljin fil-waterpolo nazzjonali u forsi anki internazzjonali, u li jirrappreżentaw bi kburija lill-klabb u lill-komunità tagħna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport