Thursday, July 30, 2026
Home Sport ‘Jien ġej minn post diffiċli, fejn qatt ma mmaġinajt li nasal fejn...

‘Jien ġej minn post diffiċli, fejn qatt ma mmaġinajt li nasal fejn jien issa, imma l-perseveranza u t-twemmin fija nnifsi fissru li qatt ma qtajt qalbi’ – Johan Bonilla

0
44

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek għall-futbol?

L-imħabba tiegħi għall-futbol bdiet minn kemm ili niftakar, grazzi għal missieri. Bħal ħafna tfal fil-Costa Rica, trabbejt nilgħab fit-toroq u fl-għelieqi tal-viċinanzi tiegħi. Il-futbol malajr sar il-ħolma tiegħi, u grazzi għall-appoġġ ta’ ommi u missieri, kienet l-unika karriera li qatt stajt nimmaġina.

Kif ġejt tilgħab f’Malta mill-Costa Rica?

L-opportunità li niġi Malta ġiet grazzi għall-aġent, Tonio D’Amato. Huwa kien dak li emmen fija u għoġbu l-istil ta’ logħob tiegħi. Minn hemm, fittex klabb hawn f’Malta. Gżira fetħuli l-bibien tagħhom, u tawni l-fiduċja biex jiffirmawni u emmnu fil-mod kif nilgħab.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Gzira United FC.

Ma’ Gżira hija esperjenza mill-aqwa għalija għax tawni l-kunfidenza li kelli bżonn, u ppermettiewli nilgħab il-logħba tiegħi liberament. Il-president, Sharlon Pace, it-team manager Marlon Galea, u l-kowċ, Darren Abdilla, poġġew ħafna fidi fija, u dan ippermettieli nħossni komdu f’kull partita. Nemmen li l-għażla ta’ dan il-klabb kienet deċiżjoni tajba ħafna; jittrattawni tajjeb ħafna.

X’tikkummenta dwar l-andament tat-tim matul dan l-istaġun s’issa?

Għall-bidu, ma ksibniex ir-riżultati li ridna, imma bqajna nitilgħu ‘l fuq. Għamilna serje ta’ sitt logħbiet mingħajr ma tlifna, u dan jgħid ħafna dwar it-titjib tat-tim.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

L-għan tiegħi kien li niġġieled għall-ogħla postijiet, imma issa l-għan tiegħi u l-għan tat-tim huwa li nispiċċaw l-ewwel fil-Bottom 6 u nipprovaw ngħinu lit-tim bil-gowls u l-assists.

X’tista’ tgħid dwar il-kowċ, Darren Abdilla?

Nemmen li l-kowċ Darren Abdilla għen lit-tim immens. L-ideat tiegħu u l-mod ta’ ħidma tiegħu wassluna biex għamilna sitt logħbiet mingħajr ma nitilfu, u naħseb li ħareġ l-aqwa verżjoni ta’ kull plejer. Għalija, l-aqwa parti hija li jippermetti lill-plejer jesprimi ruħu liberament fil-grawnd, dejjem b’responsabbiltà, naturalment, imma nifhem li kulħadd għandu l-mod tiegħu kif jilgħab, u dan iġiegħel lill-plejer iħossu aktar liberu u aktar kunfidenti.

Kif tqis il-livell attwali tal-futbol Malti?

Huwa livell tajjeb. Hemm plejers b’ħafna kwalità; huwa wkoll tip ta’ futbol b’saħħtu u fiżiku. Vera ħadt gost nilgħab hawn.

U xi tgħidli dwar ir-riżorsi (il-grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Rigward il-faċilitajiet, naħseb li huma tajbin. Il-klabb jipprova jagħtina l-aħjar riżorsi possibbli biex noħorġu l-ogħla livell tagħna. Fir-rigward tal-istadji fejn nikkompetu, personalment dejjem nagħżel li nilagħbu fuq ħaxix naturali aktar milli sintetiku. It-Tony Bezzina Stadium huwa l-istadium favorit tiegħi biex nilgħab fih

Kif qed tara l-futur tiegħek fil-futbol?

Fir-rigward tal-futur tiegħi, il-karriera ta’ plejer tal-futbol hija dejjem inċerta u tvarja skont il-prestazzjoni. Imma nixtieq nibni karriera hawn f’Malta. Nemmen li huwa post fejn nista’ nibqa’ u nuri l-potenzjal tiegħi.

Għaddi messaġġ finali lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-messaġġ tiegħi għal dawk li jridu jkunu plejers tal-futbol huwa li jemmnu fl-abbiltajiet tagħhom u qatt ma jaqtgħu qalbhom. Jien ġej minn post diffiċli, fejn qatt ma mmaġinajt li nasal fejn jien issa, imma l-perseveranza u t-twemmin fija nnifsi fissru li qatt ma qtajt qalbi, u dejjem imxejt id f’id ma’ Alla, għax mingħajr Alla m’aħna xejn.