Tuesday, December 24, 2024

F’dawn il-ġranet għandna nieqfu mill-ħajja mgħaġġla u nosservaw lit-tfal

Aqra wkoll

Huwa importanti ferm li jkun hemm għarfien biex tiżdied l-għajnuna għat-tfal madwar id-dinja li qegħdin, aktar ma jgħaddi ż-żmien, jesperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali. Studju riċenti mir-Renju Unit sab li 10% tat-tfal fl-etajiet ta’ bejn il-ħames u s-16-il sena għandhom tħassib mentali li jaqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ djanjosi klinika. Proprju dwar żieda fl-għarfien ta’ dan il-fenomenu perikoluż fil-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, din il-ġimgħa hija ċċelebrata l-ġimgħa internazzjonali għas-saħħa mentali tat-tfal.

Filwaqt li l-perjodu tat-tfulija għandu jkun żmien ta’ innoċenza u ferħ, ir-realtà hemm barra hija differenti. Ir-realtà hija diffiċli għal ħafna tfal hekk kif quddiemhom għandhom sfidi u problemi li jvarjaw minn dawk familjari għal ibbuljar mentri fl-adoloxxenti hemm prevalenza ta’ ansjetà, dipressjoni u aktar. Dawn il-fatturi ta’ riskju kollha qegħdin jikkawżaw problemi ta’ saħħa mentali fost it-tfal tagħna.

Qiegħed ikollhom saħansitra ħsibijiet suwiċida

Fil-fatt, fl-istudju naraw kif tul sena, 20% tal-adoloxxenti jistgħu jesperjenzaw xi tip ta’ problema ta’ saħħa mentali li, barra d-dipressjoni u l-ansjetà, dawn qiegħed ikollhom saħansitra ħsibijiet suwiċida. 50% tal-problemi ta’ saħħa mentali huma stabbiliti sal-età ta’ 14-il sena u 75% jibdew iħallu effetti negattivi fl-età ta’ 24 sena.

L-istess studju sab ukoll li 70% ta’ tfal u adoloxxenti li jsofru minn problemi tas-saħħa mentali reali, sfortunatament mhumiex jingħataw l-għajuna medika meħtieġa minn kmieni.

Huwa proprju għalhekk importanti li f’din il-ġimgħa ta’ għarfien tiżdied l-edukazzjoni fir-rigward u li jsiru kampanji biex il-pubbliku jkun infurmat dwar il-ħafna sfidi li persuni b’etajiet żgħar jiffaċċjaw. Dan barra r-riżorsi li għandhom jiġu pprovduti li jgħinu biex wieħed jieħu azzjoni fil-ħin u jfittex l-għajnuna.

Avveniment ta’ importanza li nfirex f’diversi pajjiżi

L-ewwel darba li ttellgħet il-ġimgħa internazzjonali għas-saħħa tat-tfal kien fl-2015 mill-“Place2B” li kienet organizzazzjoni ddedikata biex ittejjeb is-saħħa mentali fost it-tfal. Din bdiet fir-Renju Unit u saret avveniment ta’ importanza tant li llum il-ġurnata din hija ċċelebrata f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.

Ta’ kull sena l-Ġimgħa Internazzjonali għas-Saħħa Mentali tat-Tfal tqajjem għarfien importanti fejn it-tfal jitgħallmu li mhumiex waħidhom f’din it-taqbida “fantażma”. F’din il-ġimgħa edukaturi, counsellors, ġenituri u persuni oħra fil-komunità jaħdmu flimkien biex jagħmlu differenza pożittiva f’ħajjet tfal li jkunu qegħdin jiffaċċjaw problemi ta’ saħħa mentali. F’din l-okkażjoni mira oħra hija dik li nibnu komunità ta’ sostenn li tgħin lit-tfal ikollhom aċċess għal riżorsi li jista’ jkollhom bżonn u dan kemm fil-preżent, kif ukoll fil-futur.

Osservaw, identifikaw u għinu

F’dawn il-ġranet għandna nieqfu mill-ħajja mgħaġġla li ngħixu u nosservaw lit-tfal. Għandna nitkellmu magħhom, nidentifikaw fatturi ta’ riskju u naraw jekk għandhomx diffikultajiet li qegħdin jikkawżawlhom tħassib, dwejjaq jew saħansitra problemi aktar serji mentali.

Ovvjament, f’każ ta’ diffikultajiet huwa vitali li nadru u nuru kompassjoni. Dan anke meta l-isfidi li t-tfal u adoloxxenti ikunu qegħdin jiffaċċjaw jikkawżaw imġieba diffiċli. Tifel jew tifla li jafu li hemm min jagħti kashom u jħossu persuni viċin tagħhom, iħossuhom siguri biex jitkellmu dwar dak li jkunu qegħdin jgħaddu minnu. Dan iwassal biex jieħdu l-kura li tant ikollhom bżonn.

Ekonomija

Sport