Wednesday, July 24, 2024

Fearne b’rapport għand il-Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu passi kontra minn wettaq il-frame up fuqu

Aqra wkoll

L-eks Ministru Dr Chris Fearne qal li dalgħodu kien se jmur għand il-Kummissarju tal-Pulizija “biex jieħu passi kontra min kien li wettaq, u min iffinanzja,dan il-frame up moqżież.”

F’kummenti li kiteb fuq il-midja soċjali, Dr Fearne qal li kien qiegħed jirreferi għall-istorja li ħarġu l-OCCRP ilbieraħ u li anke kien irraportat fuq The Times u The Boston Globe dwar frame up li sar fuqu.

“Il-fatti żvelati huma prova ċara u konkreta li jien, bħala Ministru għas-Saħħa ta’ Malta dejjem kont sod fil-qadi ta’ dmirijieti lejn l-interess nazzjonali. Intefqu madwar €6,500,000 biex tiġi ivvintata gidba bi skop malinn speċifiku: biex jien niġi politikament eliminat. Intefqu daqshekk flus maħmuġin biex Chris Fearne jitneħħa min-nofs,” kiteb l-eks Ministru.

Hu kompla jikteb li “dan il-pjan malizzjuż sar f’żewġ stadji. L-ewwel għamlu li setgħu biex isibu l-ħmieġ dwari. Meta ma sabux – għax mhemmx – qabdu u ffabrikaw il-ħmieġ minn żniethom. Dan il-frame up mudlam li sewa 6 miljun Euro pprova jwaqqafni milli nkompli naqdi dmirijieti lejn il-pazjenti tagħna, lejn il-Ministeru u lejn pajjizi.”

Dr Fearne qal li meta dan il-ħmieġ ivvintat kien ippubblikat l-ewwel darba kien mar immedjatament għand il-Kummissarju tal-Pulizija fejn talbu jinvestiga. “Ma kienx sorprendenti li ma damx ma kkonkluda li din kienet storja vvintata mill-bidu sal-aħħar. Illum jien se nerġa’ mmur għand il-Kummissarju, din id-darba biex jieħu passi kontra min kien li wettaq, u min iffinanzja,dan il-frame up moqżież. Sadanittant, ser inkompli niddefendi u nikkonferma l-integreta tiegħi fil-Qrati tal-ġustizzja,” temm jikteb Dr Fearne.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport