Thursday, April 18, 2024

Fearne jiċħad li l-booster qiegħed ikollu reazzjonijiet iktar serji mill-ewwel dożi

Aqra wkoll

“Il-booster mhux qed jagħti aktar reazzjonijiet serji milli taw l-ewwel jew it-tieni doża, jiġifieri iva jista’ jkun hemm fejn dak li jkun jista’ jħossu għajjien għal ġurnata jew tnejn, jista’ jkollu d-deni jew ikun hemm min forsi jħoss l-għadam jew il-muskoli juġgħawh. Dan huwa komuni wara ħafna tilqim anke wara t-tilqima tal-influwenza, pero konsegwenzi serji bil-booster li ma konniex qed naraw minn l-ewwel u t-tieni doża m’għandniex le.”

Hekk qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne waqt programm li xxandar fuq l-istazzjon nazzjonali fejn tkellem ukoll dwar il-kwistjoni tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet u dwar id-deċiżjoni dwar ir-raba’ doża tal-vaċċin li se tkun qed tittieħed skont  l-assessjar li qed isir fuq l-immunità ta’ dawk il-persuni anzjani u dawk vulnerabbli li ħadu d-doża addizzjonali erba’ xhur ilu.

Huwa qal: “Jekk naraw li l-immunità fil-komunità baqgħet għolja, allura nkunu nistgħu nneħħu r-restrizzjonijiet kollha. Hija kwistjoni ta’ ftit ġimgħat. Jekk naraw li l-immunità nieżla, għandna l-għodda, nerġgħu nagħtu doża oħra u mbagħad xorta nneħħu r-restrizzjonijiet kollha. Issa qegħdin fil-punt fejn sakemm niddeċiedu jekk naqbdux u nerġgħu nagħtu l-booster lil min hu anzjan u dawk vulnerabbli, jew jekk m’għandniex għalfejn, hemm perjodu ta’ ftit ġimgħat fejn irridu nagħmlu l-assessjar tagħna. Ma nistgħux inħarsu lejn pajjiżi oħrajn. Aħna, għax konna l-ewwel li bdejna nagħtu l-booster u konna fost l-ewwel li bdejna nagħtu t-tilqim b’rata għolja, salvajna l-eluf ta’ ħajjiet imma jfisser ukoll li ma nistgħux ngħidu li nħarsu lejn pajjiżi oħra u ngħidu hekk ġara.”

Żied jgħid: “Waqt dan il-perjodu sakemm naraw eżatt l-immunità fil-komunità jekk hix se tibqa’ għolja jew se terġa’ tinżel, f’dak il-każ ikollna nagħtu booster ieħor, irridu nibqgħu solidali ma’ min speċjalment ħa l-booster fil-bidu u min huwa vulnerabbli, u nibqgħu nibżgħu għal xulxin. Jekk inneħħu r-restrizzjonijiet issa, inkunu qed nissugraw li npoġġu fil-periklu l-ħajja tan-nies anzjani tagħna u dawk vulnerabbli u aħna dan mhux se nagħmluh speċjalment għax nafu li f’temp ta’ ftit ġimgħat se jkollna l-informazzjoni kollha f’idejna fejn nistgħu nieħdu d-deċiżjoni jew naħa jew oħra.”

Ekonomija

Sport