Thursday, March 28, 2024

L-ewwel tmien postijiet pubbliċi akkreditati bħala ‘Autism Friendly Spaces’

Aqra wkoll

Tmien stabbilimenti pubbliċi llum ġew akkreditati bħala postijiet li huma ‘Autism Friendly Spaces’.

Dawn għamlu tibdil fiżiku fl-istabbilimenti rispettivi, biex il-post isir aktar sensorjalment inklussiv, u ħarrġu lill-ħaddiema tagħhom biex ikollhom aktar għarfien dwar l-awtiżmu. L-istabbilimenti ħadu ħsieb ukoll li joħolqu aktar għarfien dwar l-awtiżmu mal-klijenti tagħhom. B’riżultat ta’ dan, l-istabbilimenti ngħataw marka ta’ kwalità mill-għaqda non-governattiva Prisms.

Dawn l-istabbilimenti huma l-Esplora, Gallarija Darmanin, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Malta National Aquarium, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali, Festival ŻiguŻajg u l-Eden Cinemas.

Bħala tibdil fiżiku, l-istabbilimenti raw li jkollhom dwal aktar baxxi, li l-mużika tintefa u li jintfew anke l-iscreens. Fil-każ taċ-ċinema, il-popcorn qed jiġi ppreparat minn qabel ħalli ma jkunx hemmx storbju u l-biljetti jkunu jistgħu jinxtraw online jew inkella minn magni biex jiġi evitat il-ħin ta’ stennija. Waqt il-film ma jkunx hemmx intermission u lanqas ma jidhru avviżi kummerċjali. Tibdil ieħor jinkludi li d-dawl jibqa’ baxx u li l-bibien tas-swali ma jingħalqux. Stabbilimenti oħra qegħdin jaraw li jakkumpanjaw lill-persuna waqt iż-żjara fil-post, filwaqt li joffru l-possibbiltà ta’ modi differenti kif il-persuna tkun tista’ ddur madwar il-post jew tinqeda.

Waqt it-tnedija ta’ dan il-proġett, li qed jitmexxa minn Prisms bil-kollaborazzjoni ta’ Aġenzija Żgħażagħ u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli semmiet kif dan il-proġett hu wieħed li hu mibni fuq it-tliet pilastri tal-ministeru; l-inklużjoni, il-kwalità tal-ħajja u l-volontarjat.

Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat kif dan il-proġett jindirizza direttament persuni li huma fuq l-ispettru tal-awtiżmu li, skont statistika internazzjonali tas-Centers for Disease Control and Prevention, jammontaw għal persuna minn kull 88 fid-dinja.

Semmiet ukoll kif dan il-proġett jindirizza bis-sħiħ li jkollna soċjetà aktar inklussiva għal persuni li għandhom l-awtiżmu jew inkella li jkollhom sfidi sensorjali, biex iħossuhom parti integrata mis-soċjetà.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli spjegat kif dan il-proġett jindirizza objettivi diretti mill-Istrateġija Nazzjonali tal-Awtiżmu, fejn qed jinħoloq aktar għarfien dwar l-awtiżmu fis-soċjetà Malta, qiegħda tinħoloq edukazzjoni aktar inklussiva permezz ta’ modules online li nħolqu apposta f’dan il-proġett, u fuq kollox qegħdin jinħolqu spazji pubbliċi li huma sensorjalment aktar aċċessibbli, fosthom ħwienet u servizzi bħal mużewijiet, ristoranti, hairdressers u stabbilimenti oħra.

Filwaqt li awgurat l-akbar suċċess lil dan il-proġett u lil dawk li qegħdin imexxuh, il-Ministru Farrugia Portelli ħeġġet lil aktar stabbilimenti biex jieħdu l-istess passi bħalhom ħalli jkun hemm aktar autism friendly spaces.

Ekonomija

Sport