Monday, July 21, 2025

“Fejn hu possibbli f’kull post ikun hemm magna tal-AED”

Intervista ma’ mara li tilfet lil ħuha kawża ta’ attakk tal-qalb…

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Ħija kien ġuvni ferrieħi u dejjem iferraħ lil ħaddieħor. Darba fost l-oħrajn ħija Justin mar jilgħab logħba futbol ma’ sħabu u ma rritornax lura d-dar ħaj. Jirriżulta li ma kienx hemm magna tal-AED. Għalhekk nisħaq ħafna fuq l-importanza li fejn huwa possibbli, f’kull post ikun hemm magna tal-AED.”

Hekk bdiet tirrakontalna l-istorja Amanda Mousu, oħt Justin Tabone f’intervista ma’ dan il-ġurnal. Hija ddiskeviet ix-xahar ta’ Ottubu tal-2022 bħala xahar ‘misħut’ li hija u l-familja tagħha żgur ma jistgħux jinsew. 

Mar jilgħab logħba futbol u ma rritornax lura d-dar ħaj

Dwar l-inċident hija kompliet tirrakontalna kif il-każ kien seħħ it-Tnejn 10 ta’ Ottubru tal-2022, meta ħuha kien qiegħed jilgħab logħba futbol ma’ sħabu fil-Kumpless Sportiv tal-Kulleġġ ta’ San Alwiġi. 

Jirriżulta li f’ħin minnhom, waqt ii kien qiegħed jilgħab,  f’kemm trodd salib tah attakk tal-qalb. Qaltilna li huwa ngħata c-CPR għal madwar 15-il minuta iżda ma nstabx defibrillator (AED) fil-qrib. Kien għalhekk li ż-żagħżugħ tilef ħajtu ftit tal-ħin wara.

F’din l-intervista Amanda enfasizzat fuq l-importanza ta’ dawn il-magni. Hawnhekk saħqet li jkun ideali jekk dawn il-magni tal-AED jinstabu kullimkien, speċjalment meta jkun hemm għaddej xi avveniment spotiv.

“Meta tlifna lilu, tlifna biċċa minn ħajjitna”

B’tant emozzjonijiet fuq fommha, Amanda stqarret li, “aħna l-familja meta tlifna lilu, tlifna biċċa minn ħajjitna. Missieri u ommi ħassewha ħafna għax kien l-ikbar ħabib tagħhom. Jien  nista’ ngħid li meta miet Justin, tlift l-ispalla tiegħi għax dejjem kien jagħmilli kuraġġ f’kull pass li nagħmel f’ħajti.”

Irrimarkat li ftit tal-jiem ilu, fit-18 ta’ Lulju, kieku ħuha kien jagħlaq 25 sena. Qalet ukoll li lil Justin kienet tqisu aktar minn sempliċiment ħuha għax kellu karattru li dejjem ipoġġi lil ħaddieħor qablu. 

Tkellmet ukoll dwar binha Zane. Qalet li minkejja li binha għadu żgħir fl-età u forsi ma jistax jifhem ċertu affarijiet bħall-adulti, Zane ta’ spiss jitkellem dwar zijuh Justin.

Amanda temmet tgħid li, “it-tifkira tiegħek Justin se tibqa’ ħajja f’kull mument li nixtiequ naqsmu miegħek. Nawguralek f’għeluq sninek għażiż ħija Justin. Il-familja kollha tagħna tissimsjak u se nżommuk dejjem f’qalbna”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport