Tuesday, May 14, 2024

“Fejn qegħdin aħna ninsabu siguri”

Malti fil-Filippini dwar it-terromot qawwi li seħħ ilbieraħ

Aqra wkoll

Terremot qawwi ta’ 7.0 fuq l-iskala Ritcher seħħ ilbieraħ filgħodu fil-Filippini bil-konsegwenza li ġġarraf ħafna bini, tilfu ħajjithom mill-inqas erba’ persuni, 44 oħra sfaw feruti u hemm periklu ta’ valangi li diġà bdew u oħrajn huma mistennija jiżdiedu fil-jiem li ġejjin. Talk.mt għamel kuntatt ma’ Malti li jinsab bħalissa fil-Filippini, Joseph Cachia, fejn qalilna li fejn jinsab huwa, jiġifieri f’Palawan, ma ħassu xejn u huma siguri.

“Aħna ninsabu ‘l bogħod u fil-muntanji. Il-qraba u l-ħbieb tagħna m’għandhomx għalfejn jinkwetaw. Lanqas nafu li għamel terremot daqshekk qawwi. Għalina qisu ma ġara xejn u l-ħajja għaddejja normali,” assigura dan il-Malti. 

It-terremot, ikkonsidrat mill-esperti bħala wieħed maġġuri, laqgħat ‘il bogħod minn Palawan. Dan seħħ fit-Tramuntana tal-Filippini f’fond ta’ 10 kilomettri (sitt mili) u l-epiċentru tiegħu kien f’Luzon, l-aktar gżira popolata tal-Filippini. Fil-Majjistral tal-post iżda, hemm popolazzjoni pjuttost iżgħar. 

L-Istitut għall-Istudji Siżmiċi u tal-Vulkani tal-Filippini rrapporta li dan it-terremot inħass b’intensità pjuttost moderata mijiet ta’ kilometri ‘l isfel inkluż f’Manila, il-kapitali tal-pajjiż.

Filwaqt li jaf Cachia li bħala pajjiż fil-Filippini jseħħu regolarment terremoti, huwa nsista li ma jaqtax qalbu jmur u fil-fatt din hija t-tieni żjara tiegħu f’dan il-pajjiż, inkluż f’Manila. Huwa kkonferrma li f’Manila n-natura “tħobb turi snienha”. Fil-fatt fl-ewwel żjara li kien għamel fil-Filippini, irrakkonta kif kien għadu fuq l-ajruplan meta ra vulkan jiżbroffa.

Min-naħa tiegħu dan il-Malti qal li s’issa jinsabu tajbin u li m’hemm ebda periklu relatat mat-terremot tant li, “hawnhekk lanqas ħoss m’hawn. Kultant tagħmel xi ftit xita bil-lejl imma sa filgħodu terġa’ toħroġ ix-xemx. Jiddispjaċini ħafna għal dawk li mietu… Hija verament ħasra. J’Alla m’hemmx aktar vittmi u nittamaw li jekk hemm sitwazzjonijiet ta’ periklu bħalma semmew tal-valangi, l-awtoritajiet jilqgħu għalihom fil-ħin”.

Bini mġarraf, evakwazzjonijiet, toroq magħluqa u servizzi sospiżi

Fil-provinċja ta’ Abra, fejn kien l-epiċentru tat-terremot, kien hemm ħafna bini li ġġarraf b’uħud minnhom kompletament mentri fil-belt ta’ Baguio, provinċja fil-viċin, għadd ta’ pazjenti ta’ sptar sabu kenn barra wara li ġew evakwati mill-istess sptar li kienu rikoverati fih. 

Uffiċjali qalu li t-terremot mill-inqas ikkawża 50 valanga u li f’inħawi maqtugħa għalihom għadhom ma marrux biex jaraw is-sitwazzjoni. Dan ifisser, kif qalu l-istess uffiċjali, li n-numru tal-mejtin jista’ jitla’.

Għadd ta’ toroq maġġuri kien affettwati wkoll u l-aġenzija għar-riskji ta’ periklu lokali ma rrapportatx ħasrat fl-impjanti tal-enerġija ġġenerata bl-ilma. 

F’Manila is-servizz tal-ferroviji żgħar kien sospiż għal ftit ħin f’xi stazzjonijiet.

Sport