Friday, May 17, 2024

F’El Salvador: Mara lliberata wara li skontat seba’ snin ħabs fuq allegat abort

Aqra wkoll

Mara minn El Salvador inħelset mill-ħabs wara li skontat aktar minn seba’ snin priġunerija talli għamlet abort. 

Il-mara ta’ 28 sena, identifikata bħala Lilian, kienet ikkundannata 30 sena ħabs fl-2015.

Hija kienet welldet tifla fi sptar pubbliku iżda t-tarbija sofriet minn kumplikazzjonijiet ta’ saħħa u mietet tlitt ijiem wara. 

Il-Prosekuturi kienu akkużaw lil Lilian li ma ħaditx ħsieb il-fetu waqt it-tqala tagħha u ġiet akkużta b’negliġenza u qtil aggravat.

Lilian, li llum għandha tifla ta’ 10 snin, dejjem iddikjarat l-innoċenza tagħha u qalet li qatt ma kellha l-ebda intenzjoni li ttemm it-tqala. 

F’konferenza tal-aħbarijiet wara li ħarġet mill-ħabs, il-mara qalet: “f’isem sħabi kollha, nitlob tieqfu takkużaw u tressqu nisa l-Qorti innoċenti bħali. Kienet trawma diffiċli u ma nixtieqha lil ħadd.” 

Diversi gruppi kienu appoġġjaw il-kawża tagħha u ngħatat il-ħelsien ix-xahar li għadda, għalkemm l-informazzjoni ħarġet biss fil-pubbliku f’dawn l-aħħar sigħat.

Intqal li d-deċiżjoni tal-Imħallef li tillibera lil Lilian kienet ibbażata fuq il-fatt li hija kienet f’sitwazzjoni vulnerabbli l-isptar meta tilfet it-tarbija tagħha.

Il-projbizzjoni totali f’El Salvador dwar l-abort kienet introdotta fl-1998. Din ma tinkludix eżenzjonijiet f’każijiet ta’ stupru jew meta t-tqala toħloq riskju għas-saħħa tal-omm. 

Dawk li jinstabu ħatja li temmew it-tqala jistgħu jeħlu bejn sentejn u tmien snin priġunerija. Iżda f’ħafna każi oħra, l-akkuża tista’ tinbidel f’omiċidju aggravat, li ġġorr piena fil-minimu tagħha ta’ 30 sena ħabs. 

Huwa mifhum li għexieren ta’ nisa ntbagħtu l-ħabs b’mod żbaljat f’El Salvador fuq suspett li għamlu abort. 

Sport