FELTOM, il-Federazzjoni tal-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż, laqgħet id-deċiżjoni li tħabbret ftit tal-jiem ilu dwar il-fatt li l-Gvern se jkun qed jestendi l-Covid Wage Supplement sa Jannar 2022.
Fi stqarrija, FELTOM qalet li ilha għal dawn l-aħħar xhur għaddejja b’diskussjonijiet u konsultazzjoni mal-Gvern dwar il-ħtieġa u l-valur li dan is-suppliment tal-paga jkun estiż biex ikunu megħjuna dawk l-industriji li l-iżjed għadhom qed ibatu.
Qalet li l-impatt finanzjarju fuq l-iskejjel membri, wara l-għeluq tal-iskejjel matul is-sajf li għadda, kien wieħed qawwi.
Il-Federazzjoni rrikonoxxiet il-fatt li bl-estensjoni tal-Covid Wage Supplement, il-Gvern ipprovda ftit għajnuna biex industriji bħalma hija l-FELTOM setgħu jibqgħu joperaw.
Sostniet iżda li minkejja l-fatt li din l-inizjattiva ntlaqgħet tajjeb, qalet li ħafna skejjel kapaċi jagħlqu jekk din l-għajnuna finanzjarja titwaqqaf u jekk l-għadd ta’ dawk li jżuru Malta sabiex jattendu fl-iskejjel ma jiżdiedx.
Hija stiednet lill-Gvern biex jikkunsidra jestendi dan is-suppliment ta’ paga sar-Rebbiegħa tas-sena d-dieħla.
Temmet tgħid li jekk il-Covid Wage Supplement jitwaqqaf f’Jannar, dan ikun prematur u ta’ tħassib għaliex ikun hemm impatt qawwi fuq l-operat li diġà jinsab f’diffikultà.