Sir Alex Ferguson se jħalli r-rwol tiegħu ta’ ambaxxatur ta’ Manchester United fi tmiem l-istaġun. Huwa ġie mħallas somma ta’ miljuni ta’ liri mill-United mindu rtira bħala manager fl-2013.
Matul dak il-perjodu l-anzjan ta’ 82 sena aġixxa bħala ambaxxatur globali u direttur tal-club. Huwa kien jattendi regolari għal-logħob u jżomm siġġu fil-kaxxa tad-diretturi.
Sorsi tal-club jgħidu li Ferguson, l-aktar manager ta’ suċċess tal-United grazzi għat-13-il titlu tiegħu tal-Premier League, żewġ Champions League, ħames FA Cups u erba’ League Cups fost oħrajn, dejjem se jkun milqugħ f’Old Trafford u d-deċiżjoni ttieħdet b’mod amikevoli wara konversazzjoni diretta bejn l-Iskoċċiż u ko-proprjetarju Sir Jim Ratcliffe il-ġimgħa li għaddiet.
Madankollu, din ġiet hekk kif Ratcliffe qed ifittex li jnaqqas l-ispejjeż sabiex jinvesti aktar flus fit-team.
Iktar minn 250 membru tal-persunal diġà ngħataw is-sensja f’mossa li l-club jistenna li jiffranka madwar £10 miljun fis-sena.
Ix-xahar li għadda, il-United ħabbru telf nett ta’ £113-il miljun. Huwa magħruf li huwa qrib il-limitu ta’ telf ta’ tliet snin tal-Premier League ta’ £115-il miljun, għalkemm il-club qal li huwa impenjat li jimxi mar-regoli.
Bħalissa l-United jinsabu fl-14-il post fil-Premier League u l-manager Erik ten Hag jibqa’ f’xogħlu qabel il-logħba tas-Sibt kontra Brentford minkejja spekulazzjoni intensa dwar il-futur tiegħu.