Sunday, December 22, 2024

FESTA LI GĦANDHA TIĠBDILNA L-ISPAGA DWAR NIES IMPREZZABBLI

Aqra wkoll

L-attendenza kbira kif mistenni għall-festa tal-Imnarja fil-Buskett tikkonferma kemm xi kultant ma napprezzawx dak li hu tagħna lokalment. Bidla fl-attivitajiet tal-Imnarja din is-sena rat il-programm tal-attivitajiet ikompli jinfirex fuq aktar ġranet iżda dan ma naqqasx mill-attendenza anzi, bosta kienu dawk li attendew għall-wirjiet varji li saru fosthom tal-klieb, żwiemel, nagħaġ, mogħoż u baqar.

Nemmnu li ma nistgħux naqsmu magħkom kitba bħal din bla ma nfakkru fil-kliem ta’ Vince Parnis mill-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib li waqt li kien qiegħed jintroduċi l-proċess tal-għażla waqt il-wirja tas-sbuħija tal-baqar tal-ħalib indirizza lil dawk preżenti f’appell li bħala ġurnal għadna kif ġbidna l-attenzjoni dwaru.

Ir-riskju li dawn l-affarijiet jintilfu huwa kbir u bażikament il-ħabel jinsab f’idejn il-konsumatur Malti u Għawdxi. Dawn in-nies m’għandhomx lejl jew nhar, dawn in-nies jagħmlu sigħat twal biex jieħdu ħsieb it-tmexxija tal-irziezet tagħhom u jaraw li jipproduċu ħalib frisk u ta’ kwalità.

Mhux biss, dawn ir-raħħala, flimkien ma dawk li jrabbu n-nagħaġ u l-mogħoż huma responsabbli minn medda kbira ta’ art agrikola li tintuża biex jitkabbar il-magħlef li jintuża bħala għalf għal dawn il-bhejjem. Jekk dawn jibqgħu għaddejjin allura r-riskju li din l-art agrikola tiġi sfruttata jew saħansitra tispiċċa tara applikazzjonijiet ta’ żvilupp b’riskju ta’ kontroversji rigward il-preżervazzjoni tal-ambjent naturali tagħna.

Ta min jinnota wkoll il-kummenti tal-persuna nkarikat bil-ġurija li nġieb apposta mill-Ġermanja li minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna huwa ra fil-bhejjem li ġew imressqa quddiemu potenzjal li dawn setgħu jagħmluha saħansitra f’kompetizzjonijiet barra mill-pajjiż, f’pajjiżi ferm akbar fejn il-livell huwa wieħed mill-aqwa.

Imma mhux biss il-bhejjem. Il-Malti minn dejjem kien magħruf għax-xogħol bl-idejn u t-talent f’amalgamazzjoni mal-bżulija ta’ dawk li jħobbu dan ix-xogħol, snin ilu f’pajjiżna kellna personaġġi li saru biex ngħidu hekk ikona għat-turisti li jżuruna. Sfortunatament il-magni f’dinja moderna ħadu post ħafna mix-xogħol tal-id anke minħabba li sirna ġlieda kontra l-ħin fil-produzzjoni ta’ diversi prodotti li tiddetermina x’jibqa’ fil-bwiet ta’ dak li jkun.

Fl-aħħar jiem kien ippubblikati ċifri li juri tħassib serju minħabba r-riskju li l-avvanz li għamel il-bniedem stes fejn tidħol l-intelliġenza artifiċjali fuq livell globali qiegħed iwassal biex jintilfu eluf ta’ impjiegi.

Għaliex ngħidu dan? Li f’wirja bħal dik tal-bieraħ ikollok tfal u anke żgħażagħ li jaraw affarijiet li huma tipikament Maltin u li bejn minħabba ġenerazzjoni ffukata fuq l-avvanz tekonoloġiku u nuqqas ta’ edukazzjoni fost l-oħrajn, jispiċċaw ma jkunux jafu x’qed jaraw quddiemhom hija pjuttost inkwetanti. Li tara personaġġi mdaħħlin fiż-żmien jieħdu ħsieb makkinarju antik imma li warajhom mhux se jkun hemm min jurina l-proċess ukoll inkwetanti.

Nemmnu li f’dan is-settur jeħtieġ li jkollna inqas ippużar quddiem il-cameras, u minflok naraw kif nistgħu nagħmlu biex dawn il-persuni tant importanti għall-kultura ta’ pajjiżna jsibu l-kuraġġ li jkomplu fejn ħallew ta’ qabilhom u li warajhom ikun hemm min jagħmel kuraġġ u jitħarreġ.

Ekonomija

Sport