Monday, December 23, 2024

FESTI

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn ALFRED SANT

Forsi l-ħeġġa għall-festi hi fost l-aqwa sentimenti fil-karattru Malti. Reġa’ ta sinjal ta’ dil-ħaġa l-Kap tal-Oppożizzjoni bl-appell tiegħu (skont rapporti) biex hekk kif “tintemm” l-imxija tal-Covid-19, Malta tagħmel festa kbira. Jekk fhimt tajjeb ma ċċarax għandhiex tkun festa nazzjonali inkella waħda organizzata separatament miż-żewġ partiti.

Imbagħad nistħajjel li anke min-naħa tal-Knisja se tqum ix-xewqa biex tagħti sehemha f’dil-festa. Għalkemm dwar hekk, jista’ jkun hemm ftit tal-konfużjoni peress li jekk jien informat tajjeb, mid-dehra l-Knisja Kattolika għadha ma ħatret l-ebda qaddis bħala patrun protettur kontra l-corona virus. Dil-problema malajr tista’ tiġi rranġata, jidhirli.

L-aqwa li nżidu festa oħra ma’ li diġà għandna. Fis-sena li għadha kemm intemmet kellhom jibqgħu festi “tal-katakombi”, mhux l-anqas għax ħafna xorta ġew ċelebrati “bil-moħbi”.

Viva l-festi! Ara ma nagħtux kas tal-ilħna ċiniċi li jpespsu biex ifakkruna kif barra mill-festi, l-aktar okkażjonijiet li aħna l-Maltin niċċelebraw tajjeb huma l-funerali.

BILANĊ BEJN IL-POTENZI

Bil-ħruġ mill-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit immarka d-deċiżjoni li jkun sovran anke jekk dan se jfisser destin ta’ pajjiż mezzan f’dinja fejn qed jinġemgħu potenzi jew superpotenzi globali. Veru li l-Brittaniċi għad għandhom armi nukleari u siġġu permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda. Biss kemm se jibqgħulhom siewja fiż-żmien li ġej dawn l-“għodod”? L-għan ewlieni tagħhom madankollu hu ċar: il-ħarsien tas-sovranità nazzjonali, għan ammirevoli.

Sadattant, l-Unjoni Ewropea – minkejja t-telfa tat-tieni (jew it-tielet) l-aqwa membru – għad għandha l-possibiltà biex tkompli tkabbar is-sisien tal-ħidma tagħha u tista’ tasal biex fl-għaqda tagħha, tikkompeti ras imb’ras kważi mas-superpotenzi tal-Istati Uniti u taċ-Ċina. 

Biex tagħmel hekk, l-għaqda Ewropea trid issir aktar profonda u tersaq aktar lejn federaliżmu eżekuttiv. Se jkun hemm biżżejjed rieda politika biex dil-ħaġa titwettaq jew il-pajjiżi membri tal-Unjoni se jippreferu jibqgħu jaqdfu għal rashom – mhux sovrani daqs il-Brittaniċi imma b’politika li tifridhom minn xulxin fuq linji nazzjonali?

NORMALITÀ

Ix-xenqa fost il-popli biex malajr malajr tinqered l-imxija tal-corona virus u l-ħajja terġa ssir waħda “normali” hi qawwija u mifruxa bil-kbir. Għalkemm din hi ħaġa li tiftiehem, hemm min qed jistaqsi bir-raġun x’qed nifhmu meta ngħidu hekk? Għal liema normalità qed naspiraw?

Għax hemm min isostni li se tkun normalità differenti milli kellna qabel żmien l-imxija. Dal-punt nifhmu fil-każ tal-familji li sfortunatament tilfu xi wieħed jew waħda mill-għeżiez tagħhom. Imma b’liema mod jgħodd għal dawk li jkunu ħelsu mill-imxija, kemm għax ma qabdithomx jew għax fiequ minnha?

X’jista’ jkun hemm tassew ġdid fin-normalità li lkoll nistennew bl-akbar ħerqa?

Ekonomija

Sport