It-training grounds tal-Malta FA f’Ta’ Qali kienu mimlijin b’attività nhar il-Ġimgħa filgħodu hekk kif ‘il fuq minn 320 tifel u tifla minn 30 nurseries lokali tal-futbol taż-żgħażagħ ħadu sehem f’Festival ta’ Divertiment ta’ taħt is-seba’ snin, organizzat flimkien mill-Youth Football Association u l-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol. (IFF).
L-eċċitament tal-logħob fuq it-turf naturali famuż tal-grawnds tal-Malta FA, fejn jitħarrġu t-timijiet nazzjonali tal-pajjiż, żiedet mal-eċċitament u l-entużjażmu tat-tfal parteċipanti li lagħbu f’timijiet imħallta peress li l-gost u l-inklużjoni kienu t-temi prinċipali ta’ dan il-festival. Il-logħob tal-prattika kienu fuq bażi 3vs3 b’tul ta’ 10 minuti kull wieħed.
Il-festival serva wkoll bħala opportunità kbira biex jippromwovi avveniment prestiġjuż tal-futbol li qed isir fil-gżejjer Maltin f’Lulju li ġej – il-Kampjonat tal-UEFA ta’ taħt id-19-il sena 2023 li tnieda aktar kmieni din il-ġimgħa.
Where Legends Are Born huwa l-islogan tal-kampjonat li se juri uħud mit-talenti emerġenti tal-futbol tal-Ewropa, li jippreżenta opportunità kbira għat-tfal u ż-żgħażagħ kif ukoll il-partitarji tal-isports biex jaraw dawn l-istilel mill-viċin filwaqt li jappoġġaw lill-players Maltin ta’ taħt id-19-il sena.
Il-Greċja, l-Iżlanda, l-Italja, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall u Spanja huma t-timijiet li kkwalifikaw għall-Kampjonat tal-UEFA ta’ taħt id-19-il sena 2023 li se jintlagħbu f’erba’ stadji – National Stadium, Tony Bezzina Stadium, Centenary Stadium u l-Gozo Stadium – bejn it-3 u s-16 ta’ Lulju li ġej.
Għal din l-attività attenda l-president tal-Malta FA Bjorn Vassallo flimkien ma’ Fr Hilary Tagliaferro, il-President Onorarju tal-Youth FA, Gareth Sciberras, Chairman tal-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol, u uffiċjali għolja oħra tal-Malta FA.
Waqt il-festival, rappreżentanti tan-nurseries taż-żgħażagħ lokali ġew ippreżentati bil-pagamenti annwali ta’ solidarjetà tal-UEFA.