Wisq naħseb li kull meta nisimgħu l-kliem ‘saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol’ moħħna mill-ewwel imur fuq settur partikolari, dak tal-kostruzzjoni. Forsi bir-raġun, għax huwa settur li dwaru pjuttost l-aktar li jkun hemm rapporti ta’ inċidenti. Imma ma jfissirx li l-periku għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tapplika biss għal dan is-settur.
Niftakar lil Joe Attard Kingswell, fl-opinjoni tiegħi wieħed mill-aqwa Segretarji Ġenerali li qatt kellha l-General Workers’ Union, litteralment jitbaqbaq waqt li kien qed jitratta punt ta’ ftehim kollettiv ma’ rappreżentanti ta’ ħaddiema minn settur partikolari, fejn il-periklu kien jispikka. Kienu qegħdin jitrattaw klawsola li kienet titkellem dwar ‘Danger Money Allowance’, ammont ta’ flus fil-ġimgħa b’żieda mal-paga, speċifikament minħabba l-periklu li kienu jkunu esposti għalih il-ħaddiema.
Attard Kingswell kien għamilha ċara li kien jippreferi bil-bosta li l-azjenda tinvesti ferm aktar f’miżuri ta’ sigurtà milli jinsisti biex tikber din l-‘allowance’. Kien isostni li kien ikun ferm u ferm aħjar għall-ħaddiem li ma jkunx espost għal periklu milli jingħata flus, ikunu kemm ikunu, jekk ħajtu dejjem fil-periklu. U nemmen li kellu raġun biex ibiegħ. Ma jfissirx li l-periklu se teliminah kompletament, imma x’differenza li l-ħaddiem ikun kopert kemm jista’ jkun b’miżuri ta’ sigurtà, milli jkun espost għal periklu kontinwu.
Konvint li l-unions tal-ħaddiema hekk qegħdin jimxu, imma mhux bilfors ifisser li ma jkunx hemm laxkezza. Għal raġuni jew oħra. Kemm minn min iħaddem kif ukoll minn min jaħdem, mill-ħaddiem. Naħseb li bħali ssegwu. Bħali taraw nuqqasijiet ta’ din ix-xorta.
Ngħidilkom x’nara tista’ tgħid ta’ kuljum filgħodu. Ċertissimu li tarawh intom ukoll. Fil-ħinijiet ta’ kmieni filgħodu, fil-ħinijiet meta n-nies tkun qed tivvjaġġa lejn il-postijiet tax-xogħol, qiegħed ikun hemm ħaddiema ta’ Transport Malta u tal-LESA jikkontrollaw it-traffiku, il-mod kif tkun mixjietu. Tarahom ġeneralment fejn roundabouts arterjali ngħidilhom jien. Ħaddiema esposti għal volum qawwi ta’ dħaħen u exhaust tal-karozzi li jkunu għaddejjin litteralment iħokku magħhom. Tara minnhom dawn il-ħaddiema lebsin il-maskra b’sens ta’ prevenzjoni u tara oħrajn le.
Għaliex? Possibbli dawn il-ħaddiema mhux konxji tat-tniġġis tal-arja li jkunu mkebbin fih? Possibbli ma jirrealizzawx x’jgħaddi għal ġol-pulmuni tagħhom? Għaliex m’għandux ikun TASSATTIV, ta’ BILFORS, li tintlibes il-maskra, u maskra adekwata u mhux waħda sempliċiment biex ikun hemm xi forma ta’ lqugħ.
Għandhom ikunu l-awtoritajiet, il-postijiet tax-xogħol, l-azjendi, li magħhom jaħdmu dawn il-ħaddiema li jipprovdu tali salvagward. Daqskemm għandu jkun tassattiv li min iħaddem jipprovdih, daqstant ieħor għandu jkun tassattiv fuq il-ħaddiem li jrid jintlibes. Xejn iżjed u xejn inqas. Dan fl-interess tal-ħaddiem innifsu.
Nara l-gravità tiżdied f’nuqqas bħal dan meta min iħaddem hija awtorità pubblika, bħalma hija Transport Malta. Dan il-punt narah jinkwadra perfettament fl-akkuża li spiss nisimgħu: NUQQAS TA’ INFURZAR TAL-LIĠIJIET. Ikun hemm il-liġi, imma ma tkunx infurzata u mbagħad ħafna storbju WARA li sseħħ traġedja.
Imma anke hawn irridu noqogħdu attenti. Ma naħsibx li jista’ xi ħadd jippretendi li għandu jkun hemm għassa kontinwa fuq kull sit ta’ kostruzzjoni, fuq kull post tax-xogħol, hu x’inhu u hu liema hu, biex ikun assigurat li qegħdin ikunu segwiti l-proċeduri dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Hija kwistjoni ta’ responsabbiltà reċiproka ta’ min iħaddem u l-ħaddiem.
Għax tgħid x’tgħid huwa ironiku li jsiru daqstant abbużi fuq il-postijiet tax-xogħol fejn jirrigwarda saħħa u sigurtà kemm minn min iħaddem kif ukoll mill-ħaddiem. Huwa ironiku li tippretendi li nogħqod għassa għalik biex ikun assigurat li INT tħares saħħtek u s-sigurtà tiegħek innifsek daqskemm huwa kapriċċuż li biex ikunu ffrankati l-flus ma jkunx provdut minn min iħaddem dak kollu meħtieġ għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiem.
Int li qed taqra, x’taħseb?