Thursday, November 14, 2024

INIZJATTIVI FAVUR AKTAR GĦAJNUNA FIS-SAĦĦA MENTALI

Aqra wkoll

L-istigma dwar is-saħħa mentali tibqa’ sfida għal pajjiżna. Għaldaqstant jeħtieġ li jissokta l-investiment, b’mod partikolari fil-komunità, biex tingħata l-għajnuna meħtieġa lil dawk li jiġu bżonnha. Nemmnu li b’aktar servizzi ta’ din ix-xorta, se jkunu qegħdin jintlaħqu aktar nies.

Dan is-suġġett, li huwa wieħed delikat ħafna u li jolqot faxex differenti tas-soċjetà Maltija, ingħata wkoll prominenza fil-Budget għas-sena d-dieħla, fejn mistenni li tissokta l-ħidma f’dan il-qasam. Dan se jsir permezz ta’ inizjattivi komprensivi li jżidu l-għarfien u l-aċċessibilità għal kura filwaqt li jnaqqsu l-istigma assoċjata mas-saħħa mentali.

Fil-Budget 2025 jissemma li l-Gvern se jkun qiegħed jestendi u jiffinanzja programmi tal-ewwel għajnuna rigward is-saħħa mentali fil-komunità u fuq il-postijiet tax-xogħol.

F’dan ir-rigward, il-General Workers’ Union kienet ukoll ressqet il-proposti tagħhom fosthom l-introduzzjoni ta’ first-aiders għas-saħħa mentali. Sadanittant, fil-Budget 2025 tħabbar ukoll li se jitnieda proġett pilota fil-komunità li se jkun miftuħ għall-Kunsilli Lokali interessati, biex tingħata l-għajnuna meħtieġa fil-qrib. Dan se jsir billi jiġu offruti sessjonijiet f’postijiet kemm jista’ jkun viċin tal-persuni li qed ifittxu l-għajnuna.

L-aċċessibilità hija wkoll ta’ prijorità u għalhekk se jkun qed jiġi offrut servizz ta’ outreach permezz ta’ video calls jew telefon. Dawn l-inizjattivi se jsiru b’investiment ta’ 4.5 miljun ewro li se jissarrfu f’madwar 90,000 intervent.

Infakkru li hemm ukoll il-helpline 1579 li jopera 24 siegħa kuljum is-sena kollha biex jindirizza id-diffikultajiet ta’ dak li jkun, speċjalment dwar is-saħħa mentali. Dan il-helpline ntlaqa’ tajjeb ferm mill-pubbliku, kif kien ikkonfermat ukoll mill-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela, li f’perjodu ta’ sentejn intuża minn kważi 16,000 persuna.

Min-naħa l-oħra, jekk ma nkunux aħna stess li ngħinu bl-iċken għajnuniet, speċjalment ma’ dawk li nsejħu bħala l-ħbieb tagħna, għalxejn nippuntaw is-swaba’ fuq l-awtoritajiet li mhumiex jagħmlu biżżejjed.

L-iktar persuna li tista’ tidher tajba tista’ tkun l-iktar waħda li qiegħda tbati fis-silenzju ta’ ġlieda ta’ ħsibijiet li jistgħu jkunu qegħdin jeqirduha minn ħin għall-ieħor.

Dan ma ngħiduhx aħna. Dan tgħidu l-istorja, b’personalitajiet kbar li f’etajiet li jvarjaw kissru kulma kisbu kawża ta’ problemi ta’ saħħa mentali. Kun parti mis-soluzzjoni. Kun ta’ spalla biex aktar persuni jaslu jfittxu l-għajnuna.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport