Minn Cristian Muscat
Fgura Football Club se jkun qed iwettaq kollaborazzjoni ma’ Fgura Champs Netball Club sabiex aktar tfal u żgħażagħ jimirħu aktar fl-isport.
Skont Larkin Bonnici, il-president ta’ Fgura FC, dan il-ftehim se jżid aktar man-numru ta’ kollaborazzjonijiet li l-klabb għandu ma’ diversi organizzazzjonijiet.
“Ninsabu kburin li se jkollna kollaborazzjoni ma’ Rising Champs Netball Club li issa se jsir jismu Fgura Champs Netball Club. Din hi l-ewwel kollaborazzjoni tax-xorta tagħha fil-lokalita’ tant sabiħa tagħna. Se nkunu qed naħdmu spalla ma’ spalla mal-kumitat sabiex naraw li n-netball ikompli jiffjorixxi,” kiteb Larkin Bonnici fuq il-midja soċjali tiegħu.
Kollox beda meta Sabrina Abugin, Fgurija li tikkowċja fl-akkademja ta’ Fgura FC tkellmet ma’ Bonnici dwar l-isport tan-netball, li hi wkoll tagħmel parti attiv minnu. Apparti li tilgħab ma’ Rising Champs fil-kampjonat lokali tan-netball, hi wkoll parti importanti mit-tim nazzjonali Malti f’dan l-isport filwaqt li għandha wkoll esperjenza internazzjonali hekk kif ħadet sehem f’diversi turnaments barra minn Malta.
It-tim li qabel kien magħruf bħala Rising Champs rebaħ diversi unuri fuq livell nazzjonali fosthom il-kampjonat, il-kompetizzjoni knock-out u s-Super Cup. Hekk kif it-tim kiseb saħansitra tripletta ta’ unuri fl-istaġun 2002-2003, sentejn wara għamlu l-istess bravura apparti li kisbu wkoll suċċess f’turnament internazzjonali li sar hawn Malta stess.
Mill-1998 sas-sena 2016 huma ġew inkurunati għaxar darbiet champions filwaqt li kienu runners-up f’seba’ okkażjonijiet.
Rising Champs lagħbu wkoll fi Glasgow lura għas-sena 2007 fejn kellhom numru ta’ partiti ta’ ħbiberija filwaqt li sentejn wara marru f’Isle of Man sabiex jipparteċipaw f’tournament magħmul minn 15-il tim. Eventwalment huma ħadu sehem ukoll f’esperjenza fi Spanja.
It-tim għadda minn bidliet kbar fis-snin li għaddew u kien hemm ukoll mumenti diffiċli fil-proċess. Madankollu din il-kollaborazzjoni li saret ma’ Fgura United FC ftit tal-ġranet ilu se tkun qed tixpruna lil dan il-klabb sabiex il-futur jidher wieħed aktar sabiħ.
Skont ma qalilna hu stess, Larkin Bonnici deher ferm interessat li jkun hemm kollaborazzjoni imma aktar minn hekk, il-klabb se jkun qed joffri linji gwida kif għandu jimxi ‘l quddiem fid-dixxiplina tan-netball apparti li hemm prospetti sbieħ li aktar żgħażagħ jieħdu dan l-isport.
“L-għan tagħna mhux li aħna mmexxu l-klabb ta’ Fgura Champs iżda li nkunu ta’ sostenn filwaqt li nniedu aktar inizzjattivi favur l-isport. Aħna rridu nkunu l-katalisti sabiex aktar Fgurin b’mod partikolari jekk nitkellem fuq bażi ta’ komunita’, jieħdu sehem attiv fl-isport.”
Bonnici qal li huma ffirmaw memorandum ta’ ftehim sabiex ikun hemm struttura aktar organizzata min-naħa ta’ Fgura Champs filwaqt li noħolqu dak li jissejjaħ rebranding.
Hu spjega kemm il-finanzi huma problema fejn għandu x’jaqsam assoċjazzjonijiet sportivi filwaqt li mhux faċli ssib kumpanija sabiex tisponsorjak. Minkejja kollox, b’dan il-memorandum iffirmat, Fgura Champs se jkunu qed jibbenefikaw minn xi opportunitajiet ferm importanti fix-xhur li ġejjin.
Ma’ talk.mt tkellmet ukoll Yvonne Barry li tassumi r-rwol ta’ plejer-kowċ fi ħdan il-klabb. Hi ilha ma’ dan it-tim għal bosta snin filwaqt li dejjem kellhom ismijiet differenti għalkemm il-kelma Champs dejjem kienet preżenti.
Hawnhekk hi bdiet sabiex irringrazzjat lil Sabrina Abugrin u b’mod partikolari lil Larkin Bonnici li ħadmu qatigħ sabiex din il-ħolma ssir realta’.
“Aħna għandna tim li nistgħu nsejħulu familja. Il-kontinwazzjoni tiegħu dejjem tkun sfida għax trid ħafna flus sabiex tmexxih. Madankollu l-membri u l-plejers dejjem jaħdmu id f’id sabiex jaraw li din l-iskwadra tibqa’ għaddejja u żżomm il-konsistenza li qabdet f’dawn l-aħħar snin.”
Barry qalet li kien hemm mumenti fejn anke Sport Malta assistiet fl-isport tan-netball u dan jgħin sabiex dan l-isport jibqa’ għaddej.
Semmiet ukoll kemm Larkin Bonnici, il-president ta’ Fgura United FC għandu ħiliet kbar fejn għandu x’jaqsam tmexxija.
“Naħseb f’dawn l-aħħar snin konna neqsin minn punt ta’ riferiment u Larkin Bonnici hu dak il-bniedem li għandu ħiliet sabiex jagħtina organizzazzjoni sħiħa.”
Fgura Champs se jkunu qed jibbenefikaw ukoll minn diversi grants li jingħataw diversi klabbs sportivi u issa Barry ammettiet li tixtieq li l-familja tkompli tikber dejjem aktar.
Yvonne Barry kienet ukoll plejer tal-handball fil-kampjonat lokali. Saqsejniha dwar id-differenza li tara bejn in-netball u l-handball.
“Nista’ ngħid hekk li ż-żewġ dixxiplini għandhom l-istess għan li twassal il-ballun lejn il-lasta sa ċertu punt. Madankollu d-dinamika hi xi ftit differenti hekk kif fin-netball trid tiġri aktar u l-logħba hi iktar veloċi. Madankollu kieku kelli nagħżel, naħseb in-netball fl-aħħar mill-aħħar tkun l-għażla tiegħi.”
Tkellimna dwar il-kampjonat tan-netball li hu kompost minn tmien timijiet u dawn huma NRG, Backs Netball Club, MIA, Fgura Champs, BDO Wolves United, Mellieħa, All Ages u Ta’ Xbiex.
Meta mistoqsija dwar x’inhuma l-objettivi ta’ Fgura Champs għal dan l-istaġun, Barry qalet li l-għan hu li jiġu fit-tieni post tal-klassifika li żgur hi pożizzjoni ferm importanti. Hi temmen fil-potenzjal tat-tim u fl-istess waqt taf li l-plejers għandhom is-saħħa li jmorru tajjeb speċjalment wara l-aħħar kollaborazzjoni li saret.
Għax kif tgħid il-kwotazzjoni tagħhom fil-paġna fuq Facebook, “never let good enough, be enough!”