Thursday, April 18, 2024

“Il-kawża tal-kontijiet se tgħin biex inti ma toqgħodx tistenna gvern Nazzjonalista”

Aqra wkoll

L-aħbar li l-Kummissjoni Ewropea se tieħu lill-Gvern Malti quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment turi kif il-Gvern qed ikompli jkisser ir-reputazzjoni ta’ Malta.

Iddikjara dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech f’intervista waqt il-programm Net Live b’reazzjoni għall-aħbar li ħarġet aktar qabel.

Waqt li ddeskriva din id-deċiżjoni bħala aħbar “serja” għall-pajjiż, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Gvern qed ikompli jwebbes rasu u ma jridx jimxi fuq il-parir tal-Oppożizzjoni u jassigura li l-persuni li jingħataw iċ-ċittadinanza ta’ Malta jkollhom rabta ġenwina mal-pajjiż. Grech sostna li bħalissa l-programm qiegħed jintuża minn individwi li qed “jużawna” mingħajr ma lanqas biss jersqu lejn pajjiżna.

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-kwalità tal-ħajja tan-nies qed tmur lura kuljum u l-Gvern qed jinjora lil kulħadd. Grech qal li l-morsa tal-għoli tal-ħajja qed tkompli tissikka kuljum fuq ċertu individwi li skontu, fost affarijiet qed jispiċċaw jinqatgħulhom il-benefiċċji soċjali jew jiġu rrifjutati post ta’ akkomodazzjoni soċjali.

Dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-Kap Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jkun it-tarka tan-nies biex se jiftaħ kawża bi spejjeż għalih ħalli n-nies jingħataw il-flus lura li nsterqu mill-Gvern bla ma joqogħdu jistennew li l-Partit Nazzjonalista jkun fil-gvern.

Fuq il-kariga tal-Ombudsman u l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Grech qal li għadu ma ntlaħaqx ftehim għax il-Gvern ma jridx jiddiskuti dwarhom mal-Oppożizzjoni minkejja li ilu x-xhur jikteb lill-Prim Ministru biex jiltaqgħu. Huwa qal li minkejja li spiċċa s-sajf, il-Prim Ministru aktar qiegħed ikun fuq btala milli jmexxi lil pajjiżna.

Ekonomija

Sport