Sunday, December 22, 2024

Fgura United jiċċelebraw il-50 sena permezz ta’ ġabra ta’ €40,000 b’riżq Puttinu Cares

Aqra wkoll

Fit-3 ta’ Ottubru 2021 ġiet fi tmiemha it-tielet edizzjoni tal-maratona ta’ football mtella’ mill-Club tal-Fgura United FC b’risq il-Fondazzjoni Puttinu Cares, li fiha rat protagonisti t-tfal tal-istess club. 

Grazzi għall-ħidma tal-kumitat, u l-kontribuzzjonijiet kontinwi minn kumpaniji, ħafna minnhom partners tal-istess Club fosthom il-Kunsill Lokali tal-Fgura u l-LESA , għaqdiet soċjali u politiċi tal-lokal u persuni distinti, players u ġenituri tat-tfal li jattendu l-istess Nursery inġabret somma sabiħa ta’ €40,155. Il-president tal-club Larkin Bonnici qal li l-club xtaq li f’għeluq il-50 sena mit-twaqqif tiegħu li jintbagħat sinjal ċar u qawwi li f’anniversarju storiku bħal dan, l-attivitá prinċipali tkun okkażjoni biex tiġi ċċelebrata r-ruħ soċjali tal-Club u l-membri fi ħdanha.

Il-president Bonnici esprima s-sodisfazzjon tiegħu fi tmiem il-maratona, meta qal li minkejja li din kienet milquta wkoll minn żewġ maltempati qawwija, il-logħob xorta kważi tkompla mingħajr waqfien u dan jagħti sinjal ċar kemm Puttinu Cares Foundation hija f’qalb il-Maltin. Irringrazzja lil dawk il-volontarji li taw sehemhom biex il-maratona kienet is-suċċess li kienet u lill-persuni kollha li għenu biex tinġabar iċ-ċifra rekord. Fakkar li f’edizzjonijiet passati l-ammonti li nġabru kienu qabżu l-€4,200 u d-€9,100 rispettivament u għaldaqstant, il-Club li hu nnifsu hu NGO, irnexxielu jiġbor iktar minn €53,000 fuq tliet edizzjonijiet. Bonnici qal kif illum il-Club magħruf mhux biss għall-kwalitá ta’ taħriġ li jipprovdi imma wkoll għas-sensiela t’attivitajiet edukattivi u socjali li jipprovdi. Ħabbar kif fil-ġimgħat li ġejjin il-Club se jkun qed jissieħeb m’għaqdiet li se jgħinu lill-Club joffri servizz ħolistiku lit-tfal membri tiegħu.

Dr Victor Calvagna u Rennie Zerafa ma kellhomx kliem biex jirringrazzjaw lill-Club tal-Fgura u s-sostenituri tiegħu għal din id-donazzjoni. Qalu li Puttinu nibtet minn idea żgħira li maż-żmien qiegħda dejjem tikber bi proġetti kbar bl-għan li jtaffu l-uġiegħ tal-familji u jwensu u jwieżnu lil dawk li jiġu bżonn is-servizzi tagħhom. Qalu li bejn 60 u 90 persuna fix-xahar jagħmlu użu mill-appartamenti tagħhom f’Londra u dawn l-għotjiet ta’ din ix-xorta jagħmluha possibli biex l-għaqda tkompli tgħin lil dawn il-familji. Is-Sur Zerafa, wieħed mil-fundaturi ta’ Puttinu Cares, wiegħed li bħala turija ta’ apprezzament, wieħed mill-appartamenti li qegħdin jinbnew ġewwa Londra ser ikun qiegħed jiġi msemmi proprju għall-Club tal-Fgura United.  

Ekonomija

Sport