Friday, April 19, 2024

Il-Perit u l-Patri

F’Ġunju 2021, Churchill College, f’Cambridge, temm ħesrem il-ħidma ta’ dak li kien qed isejjaħ bħala ‘working party’ li madwar sena qabel beda jistħarreġ l-elementi imperjalisti u razzisti fil-persunaġġ ta’ Winston Churchill.

Ir-raġuni mogħtija għal din id-deċiżjoni li ħasdet lill-komunità akkademika mondjali kienet li dak li kellu jkun proġett ta’ riċerka spiċċa “ħammeġ ir-reputazzjoni tal-bniedem li għalih huwa msemmi l-kulleġġ”. U tabilħaqq, il-konferenzi li saru matul is-sena li l-‘working party’ tħalla jaħdem kienu mill-aktar kontroversjali: il-pubbliku Britanniku, li sa mit-Tieni Gwerra Dinjija qies lil Churchill bħala l-akbar eroj modern fl-istorja tiegħu, beda jisma’ – irid jew ma jridx – dwar l-elementi aktar imdella tal-personalità ta’ Churchill. Ir-razziżmu, l-antisemitiżmu, l-imperjaliżmu ardit (li saħansitra fi żmienu kien meqjus estremist iżżejjed); elementi ideoloġiċi li xprunaw deċiżjonijiet prattiċi meta Churchill kien fil-poter u li, pereżempju fl-Indja, swew il-ħajja ta’ miljuni ta’ nies.

Tant kienet kbira l-kontroversja li saħansitra l-Gvern Konservattiv Ingliż indaħal mal-Università u għamel pressjoni biex dawk l-‘ereżijiet’ jieqfu jintqalu u l-perċezzjoni erojka ta’ Churchill tibqa’ mħarsa. Għax x’jiġri min-nazzjon jekk l-eroj tiegħu jitilfu l-leġittimità tagħhom? F’dal-każ, x’jiġri jekk, bħal Stalin u Hitler, anke Churchill jitqies li kellu jdejh imċappsa bid-demm? In-narrattiva li tagħraf ċar it-tajjeb mill-ħażin tibda tiċċajpar; allura x’jagħżel lilna (f’dal-każ lill-Imperu Britanniku u l-alleati tiegħu) mill-għedewwa tagħna? X’leġittimità se jkollna meta npoġġu lilna nfusna fuq in-naħa t-‘tajba’ tal-istorja u lill-oħrajn fuq dik ‘żbaljata’?

Din hija d-dilemma komuni li jqanqal kull proċess ta’ demistifikazzjoni u demitiċizzazzjoni mill-istoriċi. In-narrattiva tal-mit hija simplistika, monolitika, li ssawwar monument u tostor lill-bniedem. Li l-gvern Ingliż ma fehemx, jew ma riedx jifhem, hu li għarfien aħjar tal-bniedem li kien Churchill ma jnaqqasx mis-sehem li kellu biex l-Ewropa ma nbelgħetx mill-mibegħda u l-azzar tan-Nażisti. Fil-mument storiku li fih l-Imperjaliżmu Britanniku ġie f’konfront man-Nażiżmu, tant kien kbir l-orrur imnissel min-Nażiżmu li l-Imperjaliżmu Britanniku, minkejja d-dnubiet kollha tiegħu, sakemm kien qed jeħodha kontra n-Nażiżmu ma setax ma jkunx fuq in-naħa ‘t-tajba’ li qed tiġġieled kontra ‘l-ħażen’.

L-istoriku li jrid imur lil hinn mill-miti ma jitlaqx mill-punt li jrid jibdel l-istorja; pjuttost irid ireġġa’ lura l-primat tal-istorja fuq il-mit, imqar jekk konxju li dan il-primat jibqa’ dejjem temporanju, fraġli u negozjat. Meta l-istorja nippruvaw nistħarrġuha fil-kumplessità tagħha, nagħmlu dan bit-tama li nifhmu aħjar mhux biss il-ġrajja jew il-persunaġġ, imma wkoll l-għaliex, il-kuntest, in-ness, u għalhekk li l-ewwel eżerċizzju meħtieġ huwa li nnaqquha (sakemm huwa possibbli) mill-mitoloġija tal-ġrajja jew tal-persunaġġ. Il-mit lill-istorja jrid jissuperaha; qajla jinteressah mill-proċessi tagħha u għalhekk minnufih ifittex li jneżżagħha mill-kontradizzjonijiet, il-kumplessitajiet, l-għeltijiet u l-inċidenzi li jsawru l-ħajja tal-bniedem.

Fid-daħla tiegħu għall-bijografija li għadu kemm ippubblika dwar il-Perit Dom Mintoff, Patri Mark Montebello jagħmilha ċara li l-għan ewlieni tiegħu f’din il-bijografija hu li jistħarreġ min kien ‘Duminku’, il-bniedem, mhux il-figura miftuma mill-ħajja u mitiċizzata, maħbuba u mibgħuda, adurata u vilifikata. Montebello daħal għal biċċa xogħol enormi:

“Il-mit ta’ Mintoff ma nħoloqx wara mewtu; Mintoff innifsu kien l-arkitett ewlieni tal-mit Mintoffjan. X’qal, x’għamel, x’kiteb saħansitra fl-awtobijografija tiegħu – dan kollu jrid jittieħed f’dan il-kuntest, li Mintoff kien mgħallem tat-teatru, attur li fuq il-palk nazzjonali (u lil hinn minnu) libes personalitajiet differenti skont kif fehem il-ħtieġa ta’ dak il-ħin, u mhu faċli xejn għal min irid, bħal Montebello, jikxef il-wiċċ wara l-maskra.”

Anke għax – kif intqal dwar l-attur magħruf Peter Sellers – spiss jiġri l-każ li l-attur isir il-maskra li jilbes u l-bniedem jinbela’ mill-persunaġġ li ħoloq.

Problema ewlenija li għandu l-istoriku hija fis-sorsi nfushom. Montebello tkellem ma’ ħafna nies li kellhom qrubijiet differenti ma’ Mintoff. L-ironija ta’ ‘‘dawk li kienu hemm’, li kif jgħid il-Malti ‘raw b’għajnejhom u semgħu b’widnejhom’, hija dik li Marc Bloch isejjaħ bħala ‘il-problema tal-memorja’, fejn is-suġġestjoni bosta drabi tirbaħ fuq kull ħaġa oħra. Hekk pereżempju, l-aktar partijiet li qanqlu kontroversja, bħall-ħajja sesswali ta’ Mintoff, fejn min qed jirrakkonta ressaq bħala fatti ħwejjeġ li ‘ra u sema’’ imma li qajla seta’ jipprova u li meta wieħed jgħarbilhom mill-qrib ma jistax ma jtiegħemx f’dawn l-aneddoti l-ħjiel tal-mit Mintoffjan, bħala l-arketip tal-maskiliżmu li b’mod kemxejn disturbanti għandu x-xamma tal-mudell Mussolinjan: ir-raġel b’saħħtu, kważi sovrauman, li jeħodha saħansitra mal-qawwa tan-natura (il-famużi għawmiet xitwin), u li fuq kollox huwa konkwistatur tan-nisa mhux anqas minn kemm tal-għedewwa tiegħu.

Is-sorsi dokumentati nfushom mhuma qatt newtrali; id-dokumentazzjoni li tagħtina l-perspettiva tal-Knisja jew dik tal-Imperu mhijiex nieqsa milli sservi ta’ aġenzija għall-mit Mintoffjan. Id-dokumentazzjoni hija dejjem sors li ħareġ minn taħt id xi ħadd, li allura hija dejjem immaġni minn għajnejn li qegħdin jgħarrxu, liema għajnejn lebsin in-nuċċali tal-perspettiva tagħhom u fl-istess waqt dak li qed josservaw huwa dejjem l-immaġni proġettata, il-maskra li tgħatti l-wiċċ tal-attur.

Quddiem dawn l-elementi problematiċi, komuni għal kull storiku, kemm allura l-missjoni li telaq fuqha Montebello nistgħu ngħidu li rnexxiet – daqskemm irnexxiet il-missjoni tal-‘working party’ ta’ Churchill College fir-rigward ta’ Churchill? It-tweġiba aktarx li nsibuha fit-tweġibiet li Ernst Kantorowicz ta lill-kritiċi tiegħu dwar ix-xogħol monumentali li wettaq fil-bijografija tiegħu dwar Federiku t-Tieni; dak ix-xogħol storikament ‘stramb’ mitbugħ mingħajr imqar nota ta’ referenza waħda u li kien akkużat li naqas milli joftom il-mit mill-fatt storiku. It-tweġiba ta’ Kontorowicz kienet il-ħruġ tat-tieni volum, mhux anqas voluminuż mill-ewwel wieħed, esklużivament bin-noti ta’ referenza għall-ewwel volum – turija mill-istoriku li xogħlu kien wettqu u wettqu sew. Imma! U din kienet imma importanti: Kantorowicz ma waqafx hemm. Fisser kif minkejja r-riċerka kollha, minħabba f’dak li tkellimna fuqu hawn fuq b’rabta mas-sorsi għad-dispożizzjoni tal-istoriku (ovvjament it-tifkiriet fil-każ ta’ Kantorowicz kienu mħollija f’kitbiet sporadiċi ta’ rapporti ta’ dawk li ‘raw u semgħu’ u mhux miġbura direttament mingħandhom), il-mit innifsu huwa parti mill-istorja u li tipprova toftmu, bħallikieku l-mit għandu realtà li hija distinta mill-istorja, hija ħaġa mill-aktar ‘innaturali’ għall-istorja nnifisha.

Fil-każ tal-bijografija ta’ Mintoff, allura, ukoll irridu jew ma rridux il-mit jibqa’ mwaħħad mal-istorja u kontemporanjament jostor u jikxef min kien il-bniedem Duminku Mintoff. Dawk li jiftakruh, imqar jekk kienu intimi miegħu, jafuh skont l-impressjoni li ħalla fuqhom; rawh b’għajnejn li diġà kienu suġġestjonati b’xi mod mill-persunaġġ kif ipproġettat lejhom minn Mintoff innifsu, imma wkoll mill-kuntest li Mintoff għex fih. U dan jgħodd mhux biss għall-mijiet ta’ persuni li Montebello tkellem magħhom direttament, imma wkoll għal dawk, anonimi jew le, li dwar Mintoff kitbu rapporti, artikli, stqarrijiet, eċċ., u li għadna nistgħu naċċessawhom fl-Arkivji sal-lum. U l-awtobijografija li fi xjuħitu kien beda jikteb il-Perit? Forsi hawn it-tweġiba hija waħda Pirandelljana: il-Perit li għal għexieren ta’ snin għex il-mit tal-Perit, meta ġie biex jikteb ġrajjietu kemm seta’ rnexxielu (jekk qatt ried) jinża’ mill-persunaġġ tal-Perit u jikteb biss sempliċiment bħala Dumink, it-tifel minn Bormla mfissed minn ommu?

Mark Montebello għamel riċerka estensiva. Spiss innegozja mal-mit. Minn banda, irnexxielu jesponi diversi sorsi – uħud minnhom b’mod kritiku; minn banda oħra, dawn is-sorsi jħalluna mħassba sakemm irridu norbtu fuqhom, fejn il-mit huwa mwaħħad mal-istorja jew saħansitra huwa l-istorja nnifisha. Il-kontroversja li tqanqlet wara, imbagħad, fakkritna li l-mit innifsu għandu faċċati diversi, anke jekk bħal fil-każ ta’ Federiku t-Tieni dawn il-faċċati jistgħu jkunu irrikonċiljabbli. Jekk bl-epitett “xjentifika”, kif Montebello sejjaħ lill-bijografija li kiteb, ried jagħti sens ta’ oġġettività kważinewtrali, nażżarda ngħid li dineb bid-dnub tas-suppervja (superbia), għax jekk xejn ikkonferma bil-bijografija eċċellenti tiegħu li l-istorja hija storja (narrattiva); rendikont tal-fatt – verament – imma tibqa’ dejjem rendikont, qatt miftuma mill-proċess ta’ mutament kontinwu u dinamiku mal-mit innifsu.

Aqra Wkoll