Bħala parti mill-inizjattiva ta’ Third Party Events imnedija minn Caritas Malta, li permezz tagħha individwi u organizzazzjonijiet jagħżlu li jorganizzaw attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi b’risq il-ħidma tagħha, din id-darba, James Camilleri ukoll għażel lil Caritas Malta bħala l-benefiċjarja tal-isfida sportiva straordinarja tiegħu.
James Camilleri żgħażugħ ta’ 31 sena minn dejjem kellu passjoni kbira għall-isport. Meta kien iżgħar kien jilgħab il-football, filwaqt li aktar tard iddedika ruħu għat-table tennis, sport li fih ikkompeta għal madwar għaxar snin fil-livell nazzjonali.
Ta’ 21 sena mar jgħix l-Iżvezja, fejn qatta’ madwar seba’ snin. Kien hemmhekk li beda jsegwi l-kisbiet ta’ Fabio Spiteri, atleta magħruf għall-isfidi estremi li jwettaq. L-ispirazzjoni li ħa minnu wasslitu biex jagħmel kuntatt miegħu u minn dak il-mument bdiet il-passjoni tiegħu għat-triathlon.
Din is-sena James se jkun qed jiffaċċja żewġ sfidi kbar: Double Ironman fix-xahar ta’ Lulju u Triple Ironman fix-xahar ta’ Awwissu.
L-isfida tad-Double Ironman tinkludi:
- 7.6 kilometri għawm
- 360 kilometru ċikliżmu
- 84 kilometru ġiri
Filwaqt li t-Triple Ironman tinkludi:
- 11.4 kilometru għawm
- 540 kilometru ċikliżmu
- 126 kilometru ġiri
Matul dawn il-kompetizzjonijiet, James se jkun qed jiġbor donazzjonijiet b’risq Caritas Malta sabiex jappoġġja l-ħidma tagħha favur persuni li jiġu bżonn is-servizzi.
“Uħud mill-eqreb ħbieb tiegħi kellhom bżonn l-għajnuna ta’ Caritas Malta, u llum jinsabu b’saħħithom u kuntenti grazzi għall-appoġġ u sapport li rċevew mingħandkom. Għalhekk xtaqt li permezz ta’ dawn l-isfidi nagħti s-sehem tiegħi biex aktar persuni jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna tagħkom,” esprima James meta ressaq il-proposta lil Caritas.
Caritas Malta tirringrazzja u tawgura esperjenza mill-isbaħ lil James Camilleri u tapprezza l-impenn u l-ġenerożità tiegħu. Tawguralu kull suċċess f’dawn l-isfidi sportivi straordinarji u tistieden lill-pubbliku jappoġġjah fil-ġbir ta’ fondi b’risq il-ħidma tagħha.
Wieħed jista’ jagħti donazzjoni permezz ta’ kont li nfetaħ apposta:
IBAN MT27VALL22013000000050024348125
Jew Revolut : 99435574 u jiġi indikat Double u Triple Iron Man
Din l-isfida għandha s-sapport ta’ Visit Malta, Cisk 0.0 Zero Alcohol u Go & Fun Isotonic Drink.
Caritas Malta tawgura esperjenza mill-isbaħ lil James Camilleri u tirringrazzjah li se jkun qed jagħti sapport biex ikomplu jissaħħu s-servizzi ta’ Caritas Malta u tkompli tevolvi skont il-ħtieġa tas-soċjetà.



