Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u l-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela, żar tliet negozji mmexxija minn familji Għawdxin fis-settur tal-ospitalità li qed jagħtu kontribut importanti lejn it-tisħiħ tal-ekonomija Għawdxija u lejn it-titjib tal-prodott turistiku Għawdxi.
Matul iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru żar BLOCK Hotel u RITUAL Dive fix-Xlendi, kumpless turistiku li jinkludi akkomodazzjoni, skola u faċilitajiet ta’ għadis taħt saqaf wieħed. Dan in-negozju, li beda fl-2019, kiber f’kumpless li jattira turisti minn madwar id-dinja, partikolarment dawk li jżuru Għawdex għall-għadis.
Il-Prim Ministru żar ukoll View Point Boutique Living, lukanda żgħira ġewwa x-Xlendi li tħaddan l-identità Maltija u Għawdxija bħala parti mill-esperjenza li toffri lill-viżitaturi. Il-proprjetà żammet il-karattru lokali tagħha permezz tad-disinn, l-użu ta’ xogħlijiet ta’ artisti Maltin u Għawdxin u elementi li jirriflettu l-wirt naturali tal-gżira Għawdxija.
L-aħħar żjara saret f’Santa Lucia Boutique Hotel, negozju ieħor immexxi minn familja Għawdxija li jiffoka fuq esperjenza ta’ kwalità għall-klijenti ta’ din il-lukanda permezz ta’ ambjent naturali u trankwill li toffri.
“Għawdex għandu dak kollu li hu meħtieġ biex ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala destinazzjoni unika fil-Mediterran. Il-fatt li qed naraw aktar investiment ta’ livell għoli, li jirriflettu l-identità u l-karattru tal-gżira, juri kif nistgħu nattiraw turiżmu li jħalli valur akbar u li jgawdi minnu l-komunità Għawdxija matul is-sena kollha”, qal il-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Prim Ministru saħaq li l-familji li jinvestu fin-negozji tagħhom huma parti essenzjali mis-suċċess ekonomiku ta’ Għawdex. “Dawn huma familji, imprendituri, li jemmnu fil-gżira tagħhom, li joħolqu opportunitajiet ta’ xogħol u li jibnu esperjenzi li jagħtu isem tajjeb lil Għawdex barra minn xtutna. Il-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla għal min għandu din il-viżjoni u qed jaħdem biex ikompli jkabbar l-ekonomija b’mod sostenibbli”, qal il-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Prim Ministru tenna li l-Gvern se jibqa’ jappoġġja dawn l-investimenti li jkomplu jagħtu ħajja ġdida lill-ekonomija Għawdxija. Dan hekk kif il-manifest elettorali ġdid tal-Gvern jagħti prijorità lil Għawdex b’100 impenn speċifiku għall-gżira, inkluż miżuri favur turiżmu aktar sostenibbli, investiment fil-prodott turistiku, taħriġ speċjalizzat u titjib tal-faċilitajiet.
Il-Gvern se jkompli jinvesti sabiex Għawdex jibqa’ destinazzjoni ta’ kwalità, filwaqt li jħares l-identità u l-karattru uniku tal-gżira.



