Prijorità fit-tmexxija governattiva tas-snin li ġejjin messha tkun ippjanar għat-tul aħjar tal-investimenti publiċi. Minkejja s-suċċessi ekonomiċi kbar tal-aħħar snin, fil-futur għad jitqies li ma sarx użu tajjeb sew mill-fondi ġenerati matul is-snin. Ma twettqux biżżejjed investimenti utli biex fil-futur jixxenxlu dejjem aktar attivitajiet produttivi jew soċjalment meħtieġa. Il-fondi marru wisq fuq konsum. Biex tgħaxxaqha kienu rikorrenti u jirrepetu ruħhom kull sena fl-ispejjeż tal-gvern.
Parti mill-problema x’aktarx kienet li minkejja kollox, l-ippjanar ma kienx ħolistiku. Kien spezzettat, pront biex jinbidel skont iċ-ċaqliq tal-opinjoni u l-ħidma tar- relazzjonijiet publiċi min-naħa tal-gvern u tal-oppożizzjoni. Il-bidla fid-diskors dwar il-futur li beda jsir –minn pjan għal viżjoni – tittraduċi tajjeb għaliex fir-realtà l-investiment waqa’ lura. Fi pjan, in-natura u d-daqs tal-investiment iridu jkunu ftit jew wisq indikati. F’viżjoni, id-diskors u l-preżentazzjonijiet impressjonistiċi jgħaddu.
MONOTEIŻMU
Ir-reliġjon Lhudija, in-Nisranija u l-Islam jitqiesu bħala l-aqwa tliet reliġjonijiet monoteistiċi tal-umanità. L-Insara jqisu li l-Alla wieħed tagħhom hu l-istess wieħed bħal tal-Lhud. Sempliċement ġedded it-“testment” tiegħu magħmul lill-poplu Lhudi biex jinkorpora lill-umanità kollha.
Aktar ma toqgħod taħseb fuqha madankollu anqas dil-verżjoni tidher koerenti. L-Alla tal-Lhud hu tribali – jikkonċerna ruħu biss mid-destin tat-tribu. Il-wegħdiet il-kbar għamilhom lilu. Juri ruħu l-ħin kollu ġeluż għall-qima tat-tribu. Il-kmandamenti tiegħu donnhom jgħoddu biss għall-membri tat-tribu. Mill-bqija pereżempju ma jsib l-ebda problema filli jordna l-ġenoċidju ta’ tribujiet oħra. Dwar ħajja wara l-mewt, l-immortalità tar-ruħ jew anke dwar l-eżistenza ta’ “ruħ” ftit li xejn jgħid, jew ma jgħid xejn. Jagħmel l-aqwa wegħdiet tiegħu dwar il-futur tat-tribu “tiegħu”, sakemm it-tribu jibqa’ jobdi l-kmandi li jagħtih.
Mentri l-alla Nisrani, barra milli juri ruħu “miftuħ” għall-ġnus kollha bla ebda lealtà tribali – jitkellem dwar ir-“ruħ” (kunċett Grieg) – jistqarr li hemm ħajja wara l-mewt… Ma nifhimx kif jista’ jitqies bħala l-istess Alla tal-“antik” Testment.
IL-MIDTERMS
Dejjem joqorbu l-elezzjonijiet parzjali ta’ dis-sena għall-Kungress Amerikan. Ħafna (mhux biss fost id-Demokratiċi) qed jittamaw li l-eletturi jagħżlu rappreżentanti fil-Kungress lesti jieqfu lill-amministrazzjoni Trump. Fl-aħħar kważi sena u nofs, il-maġġoranza Republikana fil-Kungress baxxiet rasha għal kull ma ried jagħmel Trump anke meta injora totalment lill-Kungress.
Skont il-votazzjoni, jekk jinbidlu biżżejjed siġġijiet biex il-maġġoranza favur Trump tisfaxxa, l-Kungress ikun jista’ jxekkel lill-President milli jibqa’ jagħmel li jrid. Fl-Istati Uniti, hemm dwejjaq kbar bih u b’li qed iwettaq. It-tamiet huma kbar li l-maġġoranza favuru tisfuma bil-mid-terms. Żgur madankollu li dil-ħaġa ma tistax tittieħed bħala li żgur se tiġri!



