F’Malta tal-lum qed jikber, bilkwiet iżda b’pass mgħaġġel, settur li għadu wisq inviżibbli: dak tal-ħaddiema domestiċi u carers li jgħixu fid-djar tal-oħrajn. Dawn huma n-nies li jieħdu ħsieb lill-anzjani tagħna, lillpersuni vulnerabbli u lill-familji tagħna – iżda ħafna drabi, huma stess jispiċċaw jgħixu f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà kbira.
Ir-realtà hija ċara: il-mudell attwali, fejn ħaddiem domestiku jiġi impjegat direttament minn familja privata, qed joħloq relazzjonijiet ta’ dipendenza u nuqqas ta’ protezzjoni li huma diffiċli ferm biex jiġu indirizzati. Meta post tax-xogħol ikun ukoll ilpost fejn tgħix, il-fruntieri bejn il-ħin tax-xogħol u l-ħin personali kważi jisparixxu.
Meta min iħaddmek jikkontrolla wkoll l-akkomodazzjoni u, xi drabi, anke l-istatus migratorju tiegħek, il-bilanċ tal-poter jintilef kompletament. Dan kollu jwassal għal realtà fejn il-liġi teżisti fuq il-karta, iżda l-infurzar tagħha jsir kważi impossibbli. Kif jistgħu dawk li jkunu qegħdin jagħmlu spezzjonijiet tax-xogħol jidħlu f’dar privata biex jivverifikaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol? Kif jista’ ħaddiem jirrapporta abbuż meta jaf li jista’ jitlef mhux biss xogħlu, iżda wkoll daru u, potenzjalment, id-dritt li jibqa’ fil-pajjiż?
Minbarra hekk, hemm elementi legali li jkomplu jsaħħu din il-vulnerabbiltà. F’ċerti każijiet, ħaddiem domestiku jista’ jitkeċċa minnufih mingħajr kumpens fuq il-bażi suġġettiva ta’ “nuqqas ta’ fiduċja”. Din mhijiex biss kwistjoni ta’ infurzar dgħajjef – hija problema strutturali li titlob riflessjoni serja dwar kif qed nirregolaw dan is-settur. Hawnhekk tidħol il-ħtieġa għal narrattiva ġdida. Mhux biżżejjed nitkellmu dwar kuntratti standardizzati jew linji gwida aħjar. Dawn huma passi pożittivi, iżda waħedhom mhux se jkunu biżżejjed biex jipproteġu lil dawk li jinsabu iżolati, dipendenti u vulnerabbli.
Protezzjoni reali teżisti meta jkun hemm struttura li tagħti vuċi u saħħa lill-ħaddiema, flimkien ma’ accountability ċara għal min iħaddem. Waħda mis-soluzzjonijiet li qed tiġi diskussa hija li Malta timxi lejn mudell fejn il-ħaddiema domestiċi jkunu impjegati permezz ta’ aġenziji liċenzjati u regolati, aktar milli direttament minn individwi privati. Dan ma jfissirx li l-familji jitilfu l-appoġġ li għandhom bżonn – bil-maqlub. Ifisser li r-responsabbiltajiet ikunu organizzati, trasparenti u suġġetti għal standards ċari.
L-aġenzija tkun dik li tħaddem uffiċjalment, responsabbli għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiem, filwaqt li l-familja tibqa’ tirċievi s-servizz ta’ kura meħtieġ. Din il-bidla mhijiex biss kwistjoni ta’ regolamentazzjoni – hija wkoll kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali u ugwaljanza bejn is-sessi. Il-maġġoranza ta’ dawn il-ħaddiema huma nisa, ħafna minnhom ġejjin minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea.
Il-mod kif nittrattawhom jgħid ħafna dwar x’tip ta’ soċjetà rridu nkunu. Fl-aħħar mill-aħħar, ilmistoqsija hija waħda sempliċi iżda fundamentali: nistgħu nibqgħu nibnu sistema ta’ kura li tiddependi fuq l-inviżibbiltà u l-vulnerabbiltà ta’ oħrajn? Jew wasal iż-żmien li dan is-settur isir tassew viżibbli, regolamentat u ġust? Jekk irridu tassew nagħtu valur lill-kura – u lil dawk li jagħtuha – irridu nibdew billi noħolqu sistema li tirrispetta d-dinjità tagħhom. Dan huwa biss il-bidu ta’ diskussjoni importanti, iżda diskussjoni li ma nistgħux inkomplu nħalluha fil-periferija.



