Saturday, June 13, 2026

L-Ajruport ta’ Malta b’wieħed mill-aktar riżultati tat-traffiku b’ssaħħithom fl-Ewropa f’April

Aqra wkoll

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien wieħed mill-ajruporti li kisbu l-aqwa riżultati tat-traffiku fil-grupp UE+ f’April, fejn irreġistra żieda ta’ 13.5 fil-mija fil-passiġġieri. Dan ħareġ minn rapport tat-traffiku li ġie ppublikat reċentement minn Airports Council International (ACI), fejn ġew analizzati xejriet tat-traffiku osservati fl-ajruporti Ewropej f’April 2026.

F’Mejju, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kompla jibni fuq ir-riżultat pożittiv li kiseb ix-xahar ta’ qabel u laqa’ 1.08 passiġġier. Skeda tas-sajf li toffri titjiriet lejn aktar minn 110 destinazzjonijiet kienet fattur importanti fil-kisba ta’ dawn ir-riżultati, bi tliet rotot ġodda jiġu inawgurati matul ix-xahar ta’ Mejju.

Din iż-żieda fit-titjiriet ikkontribiwet għal żieda ta’ 18.6 fil-mija fil-postijiet disponibbli fuq l-ajruplani. Minkejja dan it-tkabbir sostanzjali, ġie rreġistrat seat load factor (SLF) b’saħħtu ta’ 83.5 fil-mija, xhieda tal-popolarità tal-gżejjer Maltin. Dan jirrifletti wkoll tendenza usa’ identifikata aktar kmieni din is-sena mill-European Travel Commission, li sabet li destinazzjonijiet fin-Nofsinhar tal-Ewropa u l-Mediterran kienu l-għażla preferuta tal-Ewropej għal btala dan is-sajf.

Fir-rigward tal-aktar swieq popolari ma kienx hemm ċaqliq, bir-Renju Unit jibqa’ fil-quċċata b’sehem mis-suq ta’ 21.3 fil-mija. L-Italja, il-Polonja, il-Ġermanja u Franza segwew lir-Renju Unit, b’rati ta’ tkabbir li varjaw minn 8.0 fil-mija sa 62.5 fil-mija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport