Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, attenda għall-Konferenza Ministerjali Informali fuq il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil f’Ċipru, illum, il-Ġimgħa 12 ta’ Ġunju 2026. Din il-laqgħa ministerjali informali saret biex tfakkar id-dħul fis-seħħ tal-applikazzjoni tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil.
Il-Ministru ppreżenta l-osservazzjonijiet ta’ Malta dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni u enfasizza kif, filwaqt li l-Patt tal-UE jirrappreżenta pass politiku importanti, il-veru test tiegħu se jkun fl-implimentazzjoni effettiva tiegħu. Il-Ministru Bedingfield stqarr li “ħafna jiddependi fuq it-tqassim ġust tar-responsabbiltà fost l-Istati Membri u jekk il-pajjiżi tal-UE li jinsabu fil-fruntieri esterni se jirċievi appoġġ sostanzjali u konkret”.
Filwaqt li nnota kuntest dejjem aktar kumpless ikkawżat minn instabbiltà ġeopolitika, rotot migratorji li qed jevolvu, u networks organizzati ta’ traffikar tal-persuni, il-Ministru Bedingfield saħaq li l-miżuri tal-Patt iridu jkunu msaħħa permezz ta’ ġestjoni aktar proattiva tal-immigrazzjoni, azzjoni esterna aktar b’saħħitha mill-UE, ritorni effettivi, u azzjonijiet deċiżivi kontra n-networks tat-traffikar.
Il-Ministru enfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-immigrazzjoni, partikolarment dawk relatati ma’ fatturi soċjoekonomiċi bħall-faqar, it-tibdil fil-klima, u n-nuqqas ta’ opportunitajiet ekonomiċi. Il-Ministru Bedingfield saħaq li żieda fl-investiment fil-pajjiżi ta’ oriġini – b’mod speċjali f’setturi bħall-edukazzjoni, l-agrikoltura, l-aċċess għall-ilma nadif u l-iżvilupp ekonomiku – tgħin biex jinħolqu opportunitajiet hemmhekk fejn huma l-aktar meħtieġa. Hu ddeskriva dan l-approċċ bħala “investiment fit-tul fl-istabbiltà, fil-prosperità u fis-sigurtà kondiviża. Kull żagħżugħ jew żagħżugħa li jingħata tama f’pajjiżu jfisser persuna inqas li tħossha mġiegħla tagħmel vjaġġ perikoluż lejn pajjiż barrani.”
Il-Ministru Bedingfield esprima t-twemmin tiegħu li l-aktar politika effettiva dwar l-immigrazzjoni mhijiex biss dwar fruntieri aktar b’saħħithom. Hija wkoll dwar opportunitajiet aktar b’saħħithom. Billi jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-immigrazzjoni permezz ta’ investiment immirat u sħubija mal-pajjiżi tal-oriġini, l-Ewropa tista’ tnaqqas l-immigrazzjoni irregolari b’mod uman, sostenibbli u ta’ benefiċċju għal kulħadd.



