Saturday, December 14, 2024

“F’ġurnata waħda ħadulna kollox… ma nafx it-tifla hux se jirnexxielha terġa’ tara l-missierha”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-talbiet minn Ukreni li jinsabu barra mill-Ukrajna biex jintlaqgħu persuni Ukreni u jingħataw kenn, għallinqas sakemm jintemm il-kunfitt huma kontinwi. Mill-Polonja huma diversi dawk li qed jagħmlu talbiet biex ommijiet Ukreni bi tfal jiġu mgħejjuna u mogħtijin kenn. Fl-aħħar sigħat u proprju f’dawn il-jiem fejn il-Knisja Kattolika kienet qed tipprepara biex tiċċelebra l-akbar festa tagħha, spikkaw l-appelli ta’ paċi. F’Għawdex, f’silenzju kbir fil-Bażilika ta’ San Ġorg fir-Rabat Għawdex, omm Ukrena irrakkontat lil parruċċani li marru għal funżjoni dak li għaddiet minnu mindu bdiet il-gwerra. Jispikka l-mod kif irrakkontat kif f’ġurnata waħda ħajjithom li kienet waħda normali, inbidlet mil-lejl għan-nhar u l-familja spiċċat infirdet.

L-omm tgħid li “fl-24 ta’ Frar qomna filghodu bi ħsejjes qawwija ta’ splużjonijiet. Xegħlna t-televiżjoni biex naraw x’qiegħed jiġri. Irrealizzajna li bdiet il-gwerra. Ir-raġel mar jixtri l-fjuwil, ġibed il-flus u xtara xi affarijiet tal-ikel. Bdejt inqajjem lit-tifla u bdejna b’mod kontinwu nistaħbew fil-basement. Dan għax kien hemm allarm il-ħin kollu għaddej”.

Tenfasizza li “ma konniex nafu x’kien qed jiġri u x’kien se jseħħ. L-għada reġa’ kellna l-istess esperjenza. Splużjonijiet qawwija fi Kjiev. Ħafna ħin konna ngħadduh fil-basemnet. It-temperatura kienet ta’ żewġ gradi taħt iż-żero imma kien jeħtieġ li noqogħdu hemm għas-sigurtà tagħna.  Konna imbezzgħin mill-ħsejjes tal-arjuplani għax ma konniex nafu jekk dawn humhiex ajruplani tal-Ukrajna jew Russi  li se jitfgħu l-bombi.”

L-omm tirrakkonta li “r-raġel qalli li ma nistgħux inkomplu sejrin hekk. Qalli li ma nistgħux ngħixu hemm. Il-ħsieb tiegħu kien li jien u t-tifla għandna nitilqu mill-pajjiż. Konna qed naħsbu l-ewwel għas-sigurta tat-tifla. Iddeċidejna li nmorru l-Polonja.  Biex naslu hemm ridna nmorru bil-karozza. Soqt għal tlett ijiem sħaħa lejl u nhar biex wasalna l-Polonja. Ma irqadniex għal tlett iljieli.  Domna daqshekk għax it-triq kienet karatterizzata minn traffiku qawwi ta’ nies qed jaħarbu.”

Tisħaq li “fil-Polonja konna qed noqogħdu ma’ familja li ma konniex nafuhom.  F’Għawdex kelli l-aqwa ħabiba tiegħi Tanya, li kienet qed tgħix hawn. Ilni nafha milll-iskola. Kont kellimtha u ddeċidejt li niġi hawn biex ngħix magħha. Kont f’kuntatt magħha l-ħin kollu u kienet qed tgħinni biex nimla l-formola u d-dokumenti biex niġi f’Malta. Hu terribbli li timmaġina fejn se tmur tgħix barra pajjiżek jekk ma jkollok lil ħadd barra. Trid tiddeciedi fejn se tmur.”

Tkompli tgħid li “nċempel kuljum lir-raġel u lill-ġenituri biex nara għadhomx ħajjin.  Konna ngħixu b’mod normali bħal kulħadd. Kellna d-dar u kelna ix-xogħol. Kellna ħajja tajba.  F’ġurnata waħda ħadulna kollox. Ma nafx fejn se nkun għada u ma nafx jekk hux se nmur lura jew meta. Ma nafx lanqas jekk it-tifla hux se jirnexxielha terġa’ tara lil missierha. Li nista’ ngħid li l-Maltin huma ħenjin u aċċettawni.   In-nies hawn offrewlna għajnuna, ġugarelli ħwejjeġ u ikel. Nirringrazzjawhom ta’ dan. Li hemm tajjeb bħalissa hu li qed ngħixu f’pajjiż fejn hawn il-paċi. Imma għal kull Ukren, qalbu  bħalissa hi fl-Ukrajna.”

Ekonomija

Sport